Eluf ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar għaddejjin b’ħidma biex jiġġieldu kontra n-nirien fil-Portugall, Spanja u l-Lbiċ ta’ Franza, fil-ħakma ta’ mewġa ta’ sħana li ma turi l-ebda sinjal ta’ tnaqqis.
Fit-Tramuntana tal-Portugall, pilota miet meta l-ajruplan tiegħu, li huwa adattat biex jgħin fit-tifi tan-nar, iġġarraf fl-inħawi ta’ Foz Coa, qrib il-fruntiera Spanjola.
In-nirien qed jaħkmu żoni tar-reġjun ta’ Gironde ta’ Franza, fejn aktar minn 12,000 persuna ġew evakwati.
Fin-Nofsinhar ta’ Spanja, qrib il-Costa del Sol, madwar 2,300 persuna kellhom jaħarbu minn nirien mifruxa li kien qed jinfirex fl-għoljiet ta’ Mijas.
Mit-Tlieta ‘l hawn, it-temperaturi għolew għal 47C fil-Portugall u aktar minn 40C fi Spanja, u ħallew il-kampanja niexfa li jwassal biex n-nirien jinfirxu aktar. Aktar minn 300 persuna mietu minħabba s-sħana fiż-żewġ pajjiżi, tirrapporta l-aġenzija tal-aħbarijiet Efe ta’ Spanja.
Il-bdot Portugiż li miet kien qed itir waħdu f’ajruplan anfibju Fire Boss.
Fil-Portugall, in-nirien qed jaħkmu l-aktar fil-Grigal tal-belt ta’ Porto.

Partijiet oħra tal-Mediterran huma affettwati wkoll. Fl-Italja, il-gvern iddikjara stat ta’ emerġenza f’Po Valley, l-itwal xmara tal-pajjiż, li tinsab ukoll niexfa.
Fil-Greċja, il-ħaddiema tat-tifi tan-nar qed jikkumbattu man-nirien fiż-żona ta’ Feriza, madwar 50km (31 mil) fix-Xlokk ta’ Ateni, u qrib Rethymno, fuq il-kosta tat-tramuntana ta’ Kreta. Seba’ rħula ġew evakwati qrib Rethymno.
Fit-Tramuntana tal-Marokk, diversi rħula kellhom jiġu evakwati hekk kif nirien ħakmu l-provinċji ta’ Larache, Ouezzane, Taza u Tetouan. Raħal wieħed inqered totalment fl-inħawi ta’ Ksar El Kebir u tal-inqas persuna waħda mietet f’nirien.
Franza kellha wkoll sħana qawwija ta’ madwar 40C u tistenna aktar il-ġimgħa d-dieħla, b’16-il dipartiment fuq allert oranġjo, għal temp qawwi.
Il-kap tal-federazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar ta’ Franza wissa dwar l-impatt li qed ikollu t-tisħin globali fuq il-protezzjoni ċivili.
Il-Kroazja u l-Ungerija kienu wkoll maħkuma minn nirien qawwija.
L-aġenzija tat-temp tal-Met Office Brittaniku wissiet il-Ġimgħa li l-ġimgħa d-dieħla mistennija temperaturi rekord li jistgħu joħolqu riskju ta’ “mard serju jew periklu għall-ħajja”.
L-uffiċċju ħareġ l-ewwel tiegħu ta’ sħana estrema għat-Tnejn u t-Tlieta, meta t-temperaturi fin-Nofsinhar tal-Ingilterra huma mbassra li jilħqu 37 Celsius. Hemm ċans li t-temperaturi jistgħu jiksru l-ogħla qatt irreġistrat fir-Renju Unit, 38.7C, li ġie stabbilit fl-2019.
L-Unjoni Ewropea ħeġġet lill-istati membri biex iħejju għal nirien li jistgħu jaħkmu dan is-sajf hekk kif il-kontinent qed jiffaċċja bidla estrema oħra fit-temp li x-xjenzati jgħidu li qed tiġi kkawżata mit-tibdil fil-klima.
Il-mewġ tas-sħana saru aktar frekwenti, aktar intensi, u jdumu aktar minħabba t-tibdil fil-klima kkaġunat mill-bniedem. Id-dinja diġà saħnet b’madwar 1.1C minn mindu bdiet l-era industrijali u t-temperaturi se jibqgħu jogħlew sakemm il-gvernijiet madwar id-dinja ma jagħmlux tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet tal-karbonju.
