Ajruplan tal-merkanzija li ġġarraf fit-Tramuntana tal-Greċja, qajjem tħassib dwar il-“merkanzija perikoluża” li kien irrappurtat li kien qed iġorr.
L-ajruplan niżel matul il-lejl bejn l-irħula Antifilippi u Palaiochori, qrib Eleftheroupoli fir-reġjun ta’ Kavala.
Skont il-midja Griega, l-ajruplan, Antonov 12, li huwa operat mil-linja tal-ajru tal-merkanzija Ukrena Meridian, iġġarraf ftit qabel il-11 ta’ bil-lejl tal-ħin lokali, is-Sibt.
Huwa mifhum li l-ajruplan kien qed jivvjaġġa mis-Serbja lejn il-Bangladexx permezz tal-Ġordan meta ġġarraf.

Il-kawża tal-inċident hija maħsuba li hija ħsara fil-magna. Il-membri tal-ekwipaġġ abbord l-ajruplan kienu ċittadini Ukreni u b’kollox kien hemm tmienja, li skont rapporti, kollha tilfu ħajjithom.
Skont il-Ministru tad-Difiża Serb Nebojša Stefanović, l-ajruplan kien qed jittrasporta tagħmir militari Serb lejn il-Bangladexx meta ġġarraf.
Duħħan u sħana intensa, kif ukoll sustanza bajda misjuba ħdejn is-sit ta’ fejn iġġarraf l-ajruplan, qajmu tħassib dwar possibbiltà ta’ tossiċità.
Ġie rrappurtat li se jintuża drone biex jissorvelja ż-żona fejn iġġarraf l-ajruplan biex tiġi vvalutata s-sigurtà tiegħu.
Sadanittant l-esperti qed jaħdmu wkoll biex jiddeterminaw x’inhi s-sustanza bajda u x’inhi t-tossiċità tax-xena qabel ma jipproċedu bl-operazzjonijiet tagħhom.
