Select Page

“Trid immorru sad-dar tiegħi ħalli nurik fejn noqgħod? Hekk jew hekk issa nitlaq minn hemm hux. Ilni nikri l-istess appartament għomri.”
“Kieku niġi naraha, imma mgħaġġel.”
Ħasset ftit dispjaċir għal dan il-kliem.
“M’hemmx x’tagħmel hux la mgħaġġel. Tkun darba ohra.”
“Il-pjanta ġietek tlett mitt ewro,” qalilha. “Tħallas kontanti jew b’ċekk?”
“X’inhu?” staqsietu. “Mela se nħallsek tal-pjanta?”
“Ħeqq mhux hekk. Jien nitħallas ta’ xogħli rrid.”
“Imma bi pjaċir tiegħek għamiltha,” qaltlu xi ftit iffastidjata.
“Mhux inti tlabtni nagħmillek pjanta?” staqsieha.
Ħarset lejh irrabjata. “Int trid titmejjel bija jew?” qamet bilwieqfa, kważi taqleb is-siġġu li kienet qiegħda fuqu.
“Nitmejjel xejn. Ħallasni ta’ xogħli u nitlaq ‘l hemm għax għandi ħafna x’nagħmel!” weġibha jieħu nifs twil ta’ eżasperazzjoni.
“Inti mhux Jeremy Gauci?” staqsietu.
“Jien hu!” għajjat ir-raġel l-imħarbat, li kien qiegħed biswit il-mejda tagħhom. “Inti Rita? Il-mara li kelli niltaqa’ magħha u ma ġietx?” staqsieha jqum bilwieqfa hu wkoll.
“Iva jiena Rita.”
“Tirraġuna ta! Ħallejtni nistenna!” qalilha.
Dak il-ħin xtaqet il-madum tal-ħanut jinfetaħ u jiblagħha. In-nies tal-ħanut kienu kollha qiegħdin iharsu lejhom, kollha interessati b’dik il-farsa li kienet qiegħda sseħħ quddiem għajnejhom. Rita daret lejn ir-raġel li ftit ħin ilu kien qiegħed bilqiegħda fuq l-istess mejda magħha. “Allura inti min inti?”
“Jiena l-Perit Haber u intlabt nagħmel pjanta ta’ dar u inġibha f’dak l-indirizz fejn iltqajt miegħek!” qalilha, jieħu lura l-pjanta u jitlaq ‘l barra rrabjat.
“Jiġifieri….?” Rita baqgħet imbellha. Addio dar, addio perit.
“Xtrajtlek ċurkett ta….” qalilha l-veru Jeremy Gauci minn warajha.
Daret tħares lejh b’interess.
“Ċurkett. Mhux idea ħażina,” qaltlu. “Wejter ġibilna flixkun inbid!” għajtet lil tal-ħanut.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks