L-istilel ta’ Hollywood Jennifer Lopez u Ben Affleck iżżewġu f’Las Vegas.

Dan ikkonfermatu Jennifer Lopez stess.

Il-koppja kienu ħassru l-ewwel għerusija tagħhom f’Jannar tal-2004.

Is-sena l-oħra huma żvelaw fuq il-midja soċjali li reġgħu flimkien.

Skont rapporti, Lopez biħsiebha tbiddel isimha għal Jennifer Affleck.

L-istilista tax-xagħar tagħha Chris Appleton qasam filmat tal-istilla bil-libsa tat-tieġ tagħha fuq Instagram waqt li kienet qed tħejji għat-tieġ.

L-għada taż-żwieġ tagħhom, Jennifer qasmet selfie fis-sodda liebsa ċ-ċurkett tat-tieġ il-ġdid tagħha.

Il-koppja, imlaqqma mill-ammiraturi tagħhom, Bennifer, iltaqgħet fuq is-sett tal-film Gigli fl-2002, u tgħarset fl-2003, iżda s-sena ta’ wara ma baqgħux flimkien, u qalu li minħabba “attenzjoni eċċessiva tal-midja”.

Madankollu, minn mindu reġgħu flimkien, huma ppubblikaw regolarment ritratti u vidjows fuq l-internet ta’ vaganzi romantiċi u mumenti mal-familji tagħhom.

Dan huwa r-raba’ żwieġ ta’ Lopez. Hija kenet miżżewġa lill-kantant Marc Anthony mill-2004 sal-2014 u flimkien għandhom tewmin.

Affleck kien miżżewweġ lill-attriċi Jennifer Garner mill-2005 sal-2018, u għandhom tlett itfal flimkien.

Fl-istqarrija tagħha, Lopez qalet li ċ-ċerimonja kienet l-aqwa tieġ possibbli li setgħu jimmaġinaw, wieħed li ħolmu bih żmien ilu u li fl-aħħar sar reali.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks