Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy keċċa żewġ figuri importanti fil-gvern tiegħu fuq dubji mill-kwalitajiet ta’ tmexxija tagħhom wara li diversi uffiċjali fid-dipartimenti tagħhom qed jiffaċċjaw akkużi ta’ tradiment u li kkollaboraw mar-Russja.
Iż-żewġ uffiċjali li tkeċċew huma Iryna Venediktova, il-Prosekutur Ġenerali, u Ivan Bakanov, Kap tas-Servizz tas-Sigurtà tal-Istat, u kollega għal żmien twil tal-President.
Zelenskyy qal li ħafna uffiċjali fiż-żewġ dipartimenti huma suspettati ta’ tradiment.
Huwa qal li ġew irreġistrati 651 proċediment kriminali fir-rigward ta’ tradiment u attivitajiet ta’ kollaborazzjoni ta’ impjegati tal-uffiċċji tal-prosekuturi u aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi.
“B’mod partikolari, aktar minn 60 impjegat tal-uffiċċju tal-prosekutur u s-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukrajna baqgħu fit-territorju okkupat u qed jaħdmu kontra l-istat tagħna,” żied jgħid Zelenskyy.
Waqt li spjega d-deċiżjoni tiegħu li jneħħi lil Venediktova u Bakanov, Zelenskyy qal li reati bħal dawn kontra l-pedamenti tas-sigurtà nazzjonali tal-istat u l-konnessjonijiet misjuba bejn l-impjegati tal-forzi tas-sigurtà tal-Ukrajna u s-servizzi speċjali tar-Russja joħolqu mistoqsijiet serji ħafna dwar it-tmexxija rilevanti.
Zelensky qal li l-eks kap tad-Direttorat Prinċipali tas-Servizz tas-Sigurtà fil-Krimea kien inżamm fuq suspett ta’ tradiment.
“Kull min flimkien miegħu kien parti minn grupp kriminali li ħadem fl-interessi tal-Federazzjoni Russa se jinżammu responsabbli wkoll. Huwa dwar it-trasferiment ta ‘informazzjoni sigrieta lill-ghadu u fatti oħra ta’ kooperazzjoni mas-servizzi speċjali Russi.”
Uffiċjali għolja fis-Servizz tas-Sigurtà fin-Nofsinhar tal-Ukrajna ġew akkużati għall-faċilità li biha l-forzi Russi setgħu jaqbdu żoni kbar tan-nofsinhar fi żmien ġimgħa mill-invażjoni.
Zelenskyy indika li se jkun hemm aktar azzjoni.
“L-azzjonijiet speċifiċi u kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni ta’ kull uffiċjal fis-settur tas-sigurtà u fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi se jiġu evalwati. L-ispezzjoni korrispondenti tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi diġà tat l-ewwel riżultati u se titkompla.”
Zelenskyy qal ukoll li l-Prim Ministru se jkollu l-kompitu li jintensifika t-tfittxija għal kap ġdid tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni.
