Select Page

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-uffiċjal tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) Robert Stefanski qal li skont kif jindikaw ir-rapporti, il-mewġa ta’ sħana li qed taffettwa l-Ewropa tista’ tibqa’ għaddejja sa nofs il-ġimgħa d-dieħla.

Madankollu, is-sħana mistennija tilħaq l-estremità nhar it-Tlieta għal Franza, ir-Renju Unit u possibbilment l-Iżvizzera.

Huwa qal li s-sħana estrema li hemm bħalissa fl-Ewropa tal-Punent, lse timxi lejn il-lvant, iżda xorta waħda, it-temperaturi se jkunu ħafna ogħla min-normal.

Meta indirizza r-rekords tat-temperatura li qed jinkisru madwar l-Ewropa, Stefanski qal li t-tħassib tagħhom huwa li dan qed jiġri b’perjodi ta’ żmien qasir bejn dawn ir-rekords.

Meta tkellem fil-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-WMO Petteri Taalas qal li “dawn il-mewġ tas-sħana qed isiru aktar frekwenti minħabba t-tibdil fil-klima.”

“Dawn il-mewġ tas-sħana qed ikollhom impatti fuq is-saħħa tal-bniedem,” kompla. “L-istess nies li kienu vulnerabbli għall-pandemija tal-Covid, huma wkoll vulnerabbli għall-mewġ tas-sħana. Għalhekk, nistennew li naraw imwiet akbar fost l-anzjani u l-morda.”

It-twissijiet tas-sħana huma fis-seħħ it-Tlieta f’mill-inqas 21 pajjiż, li jiġġebbed mill-Irlanda sal-Greċja, skont il-Meteoalarm, integrazzjoni tas-servizzi tat-temp nazzjonali Ewropej u parti min-Netwerk tas-Servizzi Meteoroloġiċi Ewropej.

Diversi pajjiżi, inklużi r-Renju Unit, il-Belġju u l-Polonja, poġġew l-ogħla livell tagħhom ta’ twissijiet, li taw pariri dwar sħana perikoluża u ta’ theddida għall-ħajja.

Din il-lista ta’ pajjiżi bi twissijiet relatati mas-sħana nhar it-Tlieta:

L-Awstrija
Il-Belġju
Bosnja u Ħerzegovina
Il-Kroazja
Ir-Repubblika Ċeka
Franza
Il-Ġermanja
Il-Greċja
Ungerija
L-Irlanda
L-Italja
Lussemburgu
L-Olanda
Il-Polonja
Il-Portugall
Is-Serbja
Is-Slovakkja
Is-Slovenja
Spanja
L-Iżvizzera
Ir-Renju Unit

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks