Select Page

Is-sħana estrema ħakmet partijiet mill-Punent tal-Ewropa, b’nirien mifruxa fi Franza u Spanja, nixfa li qed tmur għall-agħar fil-Portugall, u l-aktar temperaturi għolja fir-Renju Unit.

In-nar li nfirex fid-dipartiment ta’ Gironde fil-Lbiċ ta’ Franza, u wassal lil 32,000 ruħ jevakwaw.

Il-belt fil-qrib ta’ Cazaux irreġistrat temperatura ta’ 42.4 gradi Celsius nhar it-Tnejn, l-aktar temperatura għolja li rat minn meta l-istazzjon tat-temp tagħha nfetaħ għall-ewwel darba aktar minn 100 sena ilu fl-1921, skont is-servizz meteoroloġiku nazzjonali Franċiż Météo France.

Bliet ewlenin fil-Punent ta’ Franza, bħal Nantes u Brest, ukoll laħqu rekords ġodda ta’ temperaturi għolja.

Fil-Finistère, fuq il-kosta Atlantika tal-pajjiż, nirien ġew irrappurtati għall-ewwel darba nhar it-Tnejn wara nofsinhar; inqas minn tmien sigħat wara, il-fjammi kienu nfirxu tant li wasslu għall-evakwazzjoni ta’ diversi rħula.

Skont Reuters, fi Spanja, in-nirien ħakmu r-reġjun ċentrali ta’ Castile u Léon, kif ukoll ir-reġjun tat-tramuntana ta’ Galicia. In-nar wassal ukoll lill-kumpanija tal-ferroviji statali tissospendi s-servizz bejn Madrid u l-Galicia.

Aktar minn 70,000 ettaru ġew meqruda fi Spanja minħabba n-nirien din is-sena, qal il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez nhar it-Tnejn. “Sebgħin elf ettaru, biex nagħtikom idea, huwa kważi d-doppju tal-medja tal-aħħar għaxar snin,” qal.

Il-mewġa ta’ sħana fil-Portugall intensifikat in-nixfa li diġà kien hemm u qanqlet nirien fil-foresti f’partijiet ċentrali tal-pajjiż, inkluż fir-raħal ta’ Memoria, fil-muniċipalità ta’ Leiria.

Skont l-Istitut tas-Saħħa Carlos III tal-pajjiż nhar it-Tnejn ġie stmat total kumulattiv ta’ aktar minn 510 imwiet relatati mas-sħana estrema fil-pajjiż.

Mijiet mietu wkoll fil-Portugall, fejn it-temperaturi għolja komplew jaggravaw in-nixfa qawwija.

Reuters irrapporta li nhar is-Sibt, il-Ministeru tas-Saħħa tal-Portugall qal li 659, l-aktar anzjani mietu fl-aħħar sebat ijiem.

Koppja anzjana mietet ukoll it-Tnejn wara li l-vettura tagħhom inqalbet waqt li kienu qed jaħarbu minn nirien fit-Tramuntana tal-Portugall, irrapporta x-xandar tal-istat tal-pajjiż RTP.

B’kollox, aktar minn 1,100 persuna huma maħsuba li mietu minħabba l-mewġa ta’ sħana li għaddejja fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

Il-mewġa ta’ sħana qawwija mistennija tkompli tintensifika din il-ġimgħa.

Hekk kif il-mewġa ta’ sħana miexja madwar il-pajjiż, il-kapitali Franċiża Pariġi mistennija tilħaq 39 grad Celsius nhar it-Tlieta.

Fir-Renju Unit, fejn it-temperaturi ta’ nhar it-Tnejn laħqu 38.1 grad f’Santon Downham tal-Ingilterra tal-Lvant, u b’hekk kienet it-tielet l-aktar ġurnata sħuna li sseħħ – l-uffiċjali wissew li l-affarijiet x’aktarx se jmorru għall-agħar.

It-Tlieta hija “mistennija li tkun saħansitra aktar sħuna,” skont il-Kap Eżekuttiv tal-Met Office, Penelope Endersby.

Fi Franza, il-mewġa ta’ sħana mistennija titbiegħed mill-parti tal-punent tal-pajjiż nhar it-Tlieta, u tersaq lejn iċ-ċentru u l-parti tal-Lvant minflok, inkluż Pariġi.

L-Istitut Meteoroloġiku Rjali tal-Belġju (KMI/IRM) ħareġ twissija tat-temp “kodiċi aħmar” għas-sħana f’żewġ provinċji nhar it-Tlieta, u mbassar temperaturi sa 40 Celsius fil-punent u l-Lbiċ.

Kważi nofs it-territorju tal-Ewropa, inkluż ir-Renju Unit, huwa “f’riskju” ta’ nixfa, qalu riċerkaturi fil-Kummissjoni tal-UE nhar it-Tnejn.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka enfasizza li n-nixfa f’ħafna mill-Ewropa hija “kritika” peress li “d-defiċit ta’ preċipitazzjoni tax-xitwa-rebbiegħa… kien aggravat minn mewġiet ta’ sħana bikrija f’Mejju u Ġunju.”

Il-provvista tal-ilma tista’ tkun “kompromessa” fix-xhur li ġejjin, skont ir-rapport.

Waqt li tkellem ma’ CNN nhar it-Tnejn, il-Professur tal-Università ta’ Oxford Myles Allen wissa li mewġiet ta’ sħana bħal dawn se jkunu inevitabbli jekk l-umanità ma tnaqqasx mill-aktar fis l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks