Select Page

Il-President Amerikan Joe Biden irriżulta pożittiv għall-Covid-19 u jinsab f’iżolament fil-White House.

Is-segretarja għall-istampa Karine Jean-Pierre qalet li Biden, li għandu 79 sena u huwa kompletament imlaqqam biż-żewġ boosters b’kollox, għandu sintomi ħfief ħafna u se jkompli jaqdi dmirijietu.

Il-president qed jieħu l-mediċina antivirali Paxlovid, żiedet id-dikjarazzjoni tagħha.

Huwa se jkun qed jieħu sehem fil-laqgħat permezz tat-telefon u Zoom.

B’mod konsistenti mal-protokoll tal-White House, il-president se jkompli jaħdem b’mod iżolat sakemm jirriżulta negattiv, qalet is-segretarja għall-istampa.

Jingħad li l-First Lady Jill Biden ittestjat fin-negattiv waqt li kienet id-Delaware.

Id-dipartiment mediku tal-White House se jinforma lill-kuntatti mill-qrib kollha tal-president matul il-ġurnata, qalet Jean-Pierre, inkluż kwalunkwe membru tal-Kungress jew membri tal-istampa li kienu ma’ Biden matul iż-żjara tiegħu f’Massachusetts nhar l-Erbgħa.

Qalet ukoll li l-aħħar li ttestja negattiv għal Covid kien nhar it-Tlieta.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks