L-attakki tal-missili Russi laqtu l-port ta’ Odesa, fin-Nofsinhar tal-Ukrajna, sigħat biss wara li l-Ukrajna u r-Russja qablu dwar ftehim li jippermetti li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet vitali tal-qamħ mir-reġjun.

Serhii Bratchuk, kelliem għall-amministrazzjoni militari ta’ Odesa, qal li żewġ missili laqtu l-infrastruttura tal-port u tnejn ġew sparati mid-difiża tal-ajru tal-Ukrajna.
Mill-inqas sitt splużjonijiet instemgħu f’Odesa, skont il-membru parlamentari Ukren Oleksiy Goncharenko.

Dan seħħ jum wara li l-ministri, kemm mill-Ukrajna kif ukoll mir-Russja ffirmaw ftehim, innegozjat min-Nazzjonijiet Uniti u t-Turkija f’Istanbul, biex jippermettu l-esportazzjoni tal-qamħ mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna bil-għan li tittaffa l-kriżi globali tal-ikel li nħolqot mill-gwerra.

Bratchuk ta parir lir-residenti biex jibqgħu fix-xelters hekk kif it-twissijiet bl-ajru jkomplu.

L-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għall-Ukrajna, Bridget A. Brink, sejħet l-attakk tal-missili Russi fuq il-port ta’ Odesa bħala “għajb,” u qalet li l-Kremlin qed ikompli juża’ l-ikel bħala arma u jrid jinżamm responsabbli.

Il-ftehim tal-Ġimgħa wiegħed li jiżblokka portijiet fuq il-Baħar l-Iswed biex jippermetti l-passaġġ sikur tal-qamħ u ż-żerriegħa taż-żejt, xi wħud mill-aktar trasportazzjonijiet importanti tal-Ukrajna.

Ir-Russja s’issa qed timblokka l-aċċess marittimu għal dawk il-portijiet, li jfisser li miljuni ta’ tunnellati ta’ qamħ Ukrain ma ġewx esportati lejn il-ħafna pajjiżi li jiddependu fuqha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks