Ġie kkonfermat li l-Eurovision Song Contest tas-sena d-dieħla se jsir fir-Renju Unit.
L-organizzaturi tal-festival ddeċidew li l-avveniment ma jistax isir fil-pajjiż rebbieħ, l-Ukrajna, minħabba l-gwerra li għaddejja wara l-invażjoni tar-Russja.
Ir-Renju Unit ġie t-tieni din is-sena, għalhekk infetħu taħditiet sabiex tiġi diskussa l-possibilità li jospita l-Eurovision.
Għadu mhux magħruf liema belt se tkun qed tospita, iżda bliet fosthom Glasgow u Manchester esprimew interess.
Ir-Renju Unit għandu numru ta’ postijiet b’areni adattati, akkomodazzjoni u konnessjonijiet tat-trasport internazzjonali.
Leeds, Liverpool, Newcastle, Birmingham, Aberdeen, Londra, Brighton, Bristol, Belfast u Cardiff jistgħu wkoll ikunu fost dawk li jistgħu jispitawċ
L-ibliet se jkollhom juru li għandhom il-faċilitajiet it-tajba u jgħaddu minn proċess ta’ offerti, li se jibda din il-ġimgħa.
Il-BBC u l-EBU se jippubblikaw il-lista twila aktar tard dan is-sajf.
L-Ukrajna se tikkwalifika awtomatikament għall-finali, bħal ma jiġri dejjem għar-rebbieħ, flimkien mal-hekk imsejħa Big Five, li jinkludu r-Renju Unit.
UA: PBC se jaħdem mal-BBC biex jiżviluppa elementi Ukreni tal-festival.
L-EBU qalet li l-post ospitanti għandu jakkomoda madwar 10,000 spettatur, ikun jista’ jintlaħaq faċilment minn ajruport internazzjonali u jkollu biżżejjed akkomodazzjoni f’lukanda għal mill-inqas 2,000 delegat, ġurnalist u spettatur.
Ir-rappreżentant tal-Ukrajna, il-grupp mużikali Kalush Orchestra rebaħ il-konkors ta’ din is-sena f’Mejju f’wirja simbolika ta’ appoġġ pubbliku, filwaqt li Sam Ryder ġie t-tieni għar-Renju Unit, l-aħjar riżultat tal-pajjiż mill-1998.
Kont taf?
- Ir-Renju Unit ospita l-Eurovision tmien darbiet – aktar minn kwalunkwe pajjiż ieħor.
- Ospita l-Eurovision għal pajjiżi oħra erba’ darbiet.
- Il-pajjiżi li ospita l-Eurovision għalihom kienu l-Olanda fl-1960, Franza fl-1963, Monako fl-1972; u l-Lussemburgu fl-1974.
- Ir-Renju Unit ospita l-aħħar fl-1998, minn Birmingham, wara r-rebħa ta’ Katrina u Waves.
- Harrogate, Brighton, Edinburgh u Londra kienu wkoll bliet ospitanti.
- L-Iżrael kien l-aħħar pajjiż li naqas milli jospita, fl-1980, wara li rebaħ ukoll is-sena ta’ qabel
Normalment, ir-rebħa tal-Ukrajna tkun tfisser li se tospita l-kompetizzjoni s-sena d-dieħla, iżda l-EBU insistiet li dan ma jseħħx minħabba l-gwerra li għaddejja hemmhekk.
Din l-aħbar, ix-xahar li għadda, intlaqgħet b’diżappunt mill-Ministru tal-Kultura Ukren Oleksandr Tkachenko, li ħareġ stqarrija li titlob li tinbidel id-deċiżjoni. Ix-xandar Ukren UA: PBC, esprima wkoll diżappunt.
-EBU irrikonoxxiet id-diżappunt tal-Ukrajna dak iż-żmien, u qalet li tifhem bis-sħiħ id-diżappunt li bih ġiet milqugħa din l-aħbar.
