L-Unjoni Ewropea approvat vaċċin tal-ġidri r-riħ biex jintuża kontra l-ġidri tax-xadini wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat it-tixrid tagħha bħala emerġenza tas-saħħa globali.

Fi stqarrija, ġie kkonfermat li l-Kummissjoni Ewropea estendiet l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għall-vaċċin tal-ġidri r-riħ tal-kumpanija, Imvanex, biex tinkludi protezzjoni mill-ġidri tax-xadini. L-approvazzjoni hija valida fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Islanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) twettaq valutazzjoni xjentifika tal-mediċini u tagħti rakkomandazzjoni dwar jekk xi mediċina għandhiex titqiegħed fis-suq.

Madankollu, taħt il-liġi tal-UE l-EMA m’għandha l-ebda awtorità li fil-fatt tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni fil-pajjiżi differenti fil-blokk. Hija l-Kummissjoni Ewropea li hija l-korp awtorizzanti u tieħu deċiżjoni legalment vinkolanti bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-EMA.

Il-Kap Eżekuttiv Paul Chaplin qal li d-disponibbiltà ta’ vaċċin approvat tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti r-rieda tan-nazzjonijiet biex jiġġieldu l-mard emerġenti, iżda permezz biss ta’ investimenti u ppjanar strutturat tat-tħejjija bijoloġika”

Nhar is-Sibt, il-WHO ddikjarat it-tifqigħa tal-ġidri tax-xadini, li affettwat madwar 16,000 ruħ f’75 pajjiż, bħala emerġenza tas-saħħa globali – l-ogħla allarm li tista’ twassal l-aġenzija tas-saħħa tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-Imvanex ilu approvat fl-UE mill-2013 għall-prevenzjoni tal-ġidri r-riħ.

Tqies ukoll bħala vaċċin potenzjali għall-ġidri tax-xadini minħabba x-xebh bejn il-virus tal-ġidri tax-xadini u l-virus tal-ġidri r-riħ.

Il-ġidri tax-xadini hija inqas perikoluża u li tittieħed mill-ġidri r-riħ, li ġiet eradikata fl-1980.

L-ewwel sintomi tal-ġidri tax-xadini huma deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli u uġigħ fid-dahar matul ħamest ijiem.

Sussegwentement jidhru raxx fuq il-wiċċ, il-pali tal-idejn u l-qigħan tas-saqajn, segwiti minn ponot imqabbża.

Żieda fl-infezzjonijiet tal-ġidri tax-xadini ġiet irrappurtata mill-bidu ta’ Mejju barra l-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent u Ċentrali fejn il-marda ilha endemika.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks