Wara l-wasla tiegħu għal dak li hu qed isejjaħlu bħala “pellegrinaġġ penitenzjali, eluf ta’ persuni Indiġeni huma mistennija li jinġabru fil-komunità żgħira tal-prairie ta’ Alberta ta’ Maskwacis biex jisimgħu apoloġija tant mistennija mill-Papa Franġisku għal ġenerazzjonijiet ta’ abbuż u soppressjoni kulturali fl-iskejjel residenzjali Kattoliċi madwar il-Kanada.
Il-Papa Franġisku huwa skedat li jżur is-sit ta’ dik li kienet Ermineskin Indian Residential School, issa fil-biċċa l-kbira mġarrfa. Hu se jieqaf fis-siti ta’ dik li kienet l-iskola u ċ-ċimiterju fil-qrib qabel ma jagħmel id-diskors tiegħu għall-vittmi, il-qraba tagħhom u oħrajn li se jmorru bi ħġarhom biex jisimgħuh.
Il-Papa wasal il-Ħadd f’Edmonton, fejn ġie milqugħ minn rappreżentanti tat-tliet gruppi Indiġeni ewlenin tal-Kanada, First Nations, Metis u Inuit, flimkien ma’ dinjitarji politiċi u tal-knisja. Il-Papa qatta’ l-bqija tal-ġurnata jistrieħ f’seminarju fil-kapitali provinċjali.
Il-gvern Kanadiż ammetta li l-abbuż fiżiku u sesswali kienu rampanti fl-iskejjel Kristjani ffinanzjati mill-istat li ħadmu mis-seklu 19 sas-sebgħinijiet. Madwar 150,000 tifel Indiġenu ttieħdu mill-familji tagħhom u sfurzati jattendu fi sforz biex jiżolawhom mill-influwenza ta’ djarhom, lingwi u kulturi Indiġeni u jassimilawhom fis-soċjetà Kristjana tal-Kanada.
Il-vjaġġ ta’ sitt ijiem tal-Papa Franġisku, li se jinkludi wkoll siti oħra f’Alberta, Quebec City u Iqaluit, Nunavut, fit-tramuntana imbiegħda, isegwi l-laqgħat li kellu fir-rebbiegħa fil-Vatikan ma’ delegazzjonijiet mill-First Nations, Metis u Inuit. Dawk il-laqgħat laħqu l-qofol tagħhom b’apoloġija storika fl-1 ta’ April għall-abbużi li saru minn xi missjunarji Kattoliċi fl-iskejjel residenzjali.
Il-Papa issa qed isegwi l-impenn li jagħmel dik l-apoloġija fuq l-art Kanadiża.
L-organizzaturi tal-avveniment qalu li se jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw li l-vittmi, li ħafna minnhom huma anzjani, ikunu jistgħu jattendu għall-avveniment.
