Select Page

Il-Papa Franġisku tkellem dwar is-sogħba u l-mistħija tiegħu dwar ir-rwol tal-Knisja Kattolika fl-abbuż ta’ tfal Indiġeni Kanadiżi fl-iskejjel residenzjali, hekk kif ta bidu għal “pellegrinaġġ penitenzjali” ta’ ġimgħa fil-pajjiż.

F’diskors f’laqgħa mal-Indiġeni f’Edmonton, Alberta, nhar it-Tnejn, l-Papa skuża ruħu u wiegħed li se ssir investigazzjoni serja dwar dak li ġara.

Il-mexxejja Indiġeni ilhom jitolbu għal apoloġija mill-Papa għall-ħsara li saret għal għexieren ta’ snin fuq it-tfal Indiġeni, li sofrew abbuż u t-tħassir tal-kultura Indiġena fl-iskejjel residenzjali tal-pajjiż.

Il-Papa talab maħfra, b’mod partikolari, għall-modi li bihom ħafna membri tal-Knisja u ta’ komunitajiet reliġjużi kkooperaw, mhux l-inqas bl-indifferenza tagħhom, fi proġetti ta’ qerda kulturali u assimilazzjoni sfurzata mill-gvernijiet ta’ dak iż-żmien, li influwenzaw b’mod partikolari s-sistema tal-iskejjel residenzjali.

Is-sena li għaddiet, ġew skoperti mijiet ta’ oqbra mhux immarkati f’żoni fejn qabel kien hemm skejjel residenzjali, fil-Kolumbja Brittanika u s-Saskatchewan.

Il-Kummissjoni tal-Verità u r-Rikonċiljazzjoni tal-Kanada rrappurtat li aktar minn 4,000 tifel Indiġenu mietu jew minħabba negliġenza jew abbuż fi skejjel residenzjali, li ħafna minnhom kienu mmexxija mill-Knisja Kattolika.

Quddiem dan il-ħażen deplorevoli, il-Knisja tinżel għarkubbtejha quddiem Alla u titlob il-maħfra tiegħu għad-dnubiet ta’ wliedha. B’umiltà nitlob maħfra għall-ħażen li għamlu tant Insara kontra l-popli Indiġeni.

Il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku saħaq li l-apoloġija tiegħu hija biss l-ewwel pass biex jiġi rranġat il-ħażin li sar.

Parti importanti minn dan il-proċess se tkun li ssir investigazzjoni serja dwar il-fatti ta’ dak li seħħ fil-passat u li tgħin lill-vittmi tal-iskejjel residenzjali jesperjenzaw fejqan mit-trawmi li sofrew.

Il-Papa Franġisku

Il-Papa se jivvjaġġa wkoll lejn Quebec u Iqaluit, kapitali tat-territorju Kanadiż ta’ Nunavut, matul il-vjaġġ. Żewġ kardinali Kanadiżi se jakkumpanjawh matul iż-żjara tiegħu, il-Kardinal Marc Ouellet u l-Kardinal Michael Czerny.

Il-Papa Franġisku, li għandu 85 sena, ikkanċella vjaġġ lejn l-Afrika aktar kmieni dan ix-xahar minħabba problemi f’irkopptu.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks