L-attur David Warner, li ħadem f’films bħal The Omen u Tron, miet fl-età ta’ 80 sena minn marda relatata mal-kanċer.

Warner kien magħruf ukoll għall-interpretazzjoni tal-karattru ta’ Spicer Lovejoy, fil-famuż film ta’ James Cameron fl-1997, Titanic.

Dan l-aħħar deher ukoll f’Mary Poppins Returns.

Warner miet nhar il-Ħadd f’Denville Hall, f’dar tal-kura għal dawk fl-industrija tad-divertiment.

Warner ta’ spiss kien jinterpreta karattri kattivi f’films bħal The Thirty Nine Steps (1978) u Time Bandits (1981).

Ħafna jiftakruh għall-karattru li interpretat tal-fotografu Keith Jennings, fil-film klassiku sopranaturali tal-1976, The Omen.

F’intervista għal programm dwar films tal-orrur immexxi minn Mark Gatiss, meta mistoqsi jekk kienx jaf x’kien ġara mir-ras maqtugħa tiegħu, Warner wieġeb li “tilifha fid-divorzju.”

Warner interpreta lil Bob Cratchit fl-adattament ta’ George C Scott fl-1984 ta’ A Christmas Carol ta’ Charles Dickens, fejn qal li kien ta’ pjaċir li jinterpreta karattru li b’differenza mis-soltu, ma kienx kattiv.

Gawda wkoll karriera televiżiva ta’ suċċess, bi rwoli f’Wallander, li interpreta l-parti ta’ missier Kenneth Branagh, Penny Dreadful, Ripper Street, Doctor Who u t-Twin Peaks oriġinali fost oħrajn.

Warner kien magħruf ukoll għall-interpretazzjoni ta’ diversi karattri fil-franchise ta’ Star Trek u ħadem f’diversi awdjodrammi ta’ Doctor Who.

L-attur li darba ddeskriva t-trobbija tiegħu bħala waħda diffiċli f’familja li ma kinitx f’qagħda tajba, spjega li beda r-reċtar bħala mezz ta’ kif jaħrab mir-realtà li kien jgħix fiha.

Warner qal li kellu għalliem li kien jiggwidah u ħeġġeġ l-interess tiegħu fid-drama, u żied li din kienet għażla bejn ir-reċtar jew jispiċċa jaqbad triq ħażina.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks