Fi stqarrija, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir u r-Rettur ċaħdu kategorikament l-allegazzjonijiet, skont huma, infondati, li bħalissa qed jiċċirkolaw pubblikament u li dehru fuq mezzi tax-xandir.
Huma ċaħdu kategorikament li Mario Mallia tkeċċa minħabba kwistjonijiet dwar inizjattivi relatati mal-inklużjoni.
Huma qalu li t-terminazzjoni tal-impjieg hija riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċeduri li ilhom jinġemgħu, u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx solvuti.
Fl-istqarrija, qalu li għal bosta snin l-istess Provinċja Dumnikana Maltija sostniet finanzjarjament u b’diversi modi oħra l-operat tal-Kulleġġ, u dan anke fiż-żmien meta Mallia kien surmast.
Żiedu jgħidu li sa mit-twaqqif tiegħu, 74 sena ilu, il-Kulleġġ kien diġà joffri edukazzjoni lil studenti minn kull oqsma tal-ħajja u tħal żmien twil il-Provinċja rat li tassisti familji u studenti li ma kellhomx mezzi biex iwettqu l-edukazzjoni ta’ wliedhom.
Enfasizzaw ukoll li l-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir dejjem kellu għal qalbu kull sistema li ttejjeb il-ħajja tal-istudenti, tal-familji u tal-edukaturi kollha, inklużi miżuri ta’ inklussività li dejjem ħaddnet u li se timbotta ’l quddiem fis-snin li ġejjin bl-istess viżjoni u perseveranza.
Il-bord saħaq li jħossu marbut bi dmir li jibqa’ kommess għall-għan ewlieni tiegħu, li jiżgura l-edukazzjoni u l-benesseri olistiku ta’ kull persuna afdata lilu.
Fid-dawl ta’ dan, il-Bord tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir qal li jħoss li mhuwiex opportun li jiddiskuti fil-pubbliku din il-kwistjoni iżda qal li lest li jagħmel dan meta jkun il-waqt.

