Select Page

Il-pornografija huwa suġġett li jġib miegħu ċerti mistoqsijiet. F’dan l-artiklu se niddiskutu mistoqsijiet dwar il-pornografija, kif ukoll xi ideat żbaljati li hemm dwaru.

Għaliex in-nies jaraw il-pornografija?

Fl-Ungerija, tim ta’ psikoloġisti għamlu riċerka dwar l-użu problematiku tal-pornografija. Bħala parti minn din ir-riċerka, dan it-tim studja x’inhuma l-iktar raġunijiet komuni għaliex in-nies jaraw il-pornografija.

Il-maġġoranza tan-nies jaraw il-pornografija l-iktar għal pjaċir sesswali. Filwaqt li nies oħra jarawh għal kurżità sesswali, fantasija u esplorazzjoni sesswali.

Il-pornografija jikkawża aggressjoni sesswali?

Aggressjoni sesswali huwa meta persuna tinvolvi ruħha f’attività sesswali mingħajr il-kunsens tal-persuna l-oħra.

Il-mudell ta’ konfluwenza jgħidilna dwar it-tip ta’ riskji li hemm għal aggressjoni sesswali. Dawn huma (1) maskulinità ostili, (2) Is-sesswalità impersonali u (3) l-użu tal-pornografija.

Maskulinità ostili – dan ifisser meta persuna tkun ostili u ma jkollhiex stima lejn in-nisa. Dan huwa xi ħadd li għandu stima baxxa man-nisa u narċissist ukoll. Dan jobgħod in-nisa, b’hekk wieħed li għandu maskulinità ostili huwa misoġinu. Din it-tip ta’ persuna taqla’ gratifikazzjoni sesswali meta tiddomina u tikkontrolla mara.

Sesswalità impersonali – dan meta mara hija magħrufa bħala oġġett sesswali għall-unika raġuni biex tagħti sodisfazzjon sesswali lir-raġel.

Użu tal-pornografija – meta l-maskulinità ostili u s-sesswalità impersonali huma ikkumbinati. B’hekk il-pornografija tista’ tiġi interpretata bħala xi ħaġa li timbutta lil xi ħadd biex ikun aggressiv b’mod sesswali. Dan għaliex il-pornografija tista’ jkun mudell għalih ta’ kif ikun aggressiv sesswalment. Però dan jiddependi mit-tip ta’ persuna, kif ukoll it-tip ta’ pornografija li jaraw.

Ir-riċerka turi li ħafna nies li jaraw il-pornografija mhumiex aggressuri sesswali, dan l-istess bħall-vjolenza fil-video games, ħafna nies jisirqu il-karozzi ġo GTA, imma ftit nies li hemm li veru jisirqu karozzi fil-ħajja ta’ kuljum. L-użu tal-pornografija ma jikkawżax problemi mentali u lanqas li huma misoġni.

Il-moħħ jinbidel wara li tara l-pornografija?

Le. Il-moħħ jinbidel skont sitwazzjonijiet li tgħaddi minnhom. Però, jekk tara xi ħaġa li togħġbok għandha tendenza li tibqa’ fil moħħ, filwaqt li jekk tara xi ħaġa li ma togħġbokx ma terġax tirritorna għaliha, iżda tipprova tinsiha. Huwa magħruf li ħafna nies iqisu lilhom infushom bħala ‘porn addicts’. Self perceived problematic porn use (SPPPU) huwa meta individwu jirreferi għalih innifsu bħala dipendenti fuq il-pornografija, jiġifieri li wieħed ma jħossux li jista’ jiffunzjuna mingħajr l-użu tal-pornografija u li m’għandux kontroll fuq kemm-il darba jara l-pornografija.

Il-pornografija taffettwa kif tħares lejk innifsek??

Is-sess huwa ftit li xejn mitkellem f’ċerti familji fejn hemm ħafna riġidità u strettezza. B’hekk forsi jkun hemm nuqqas ta’ edukazzjoni sesswali. Ħafna drabi, iż-żgħażagħ jesperjenzaw mistħija u ħtija meta jesperjenzaw fantasija sesswali.

Tant hu hekk, li ħafna minn dawn is-self perceived problematic porn use, ikunu riżultat ta’ umilazzjoni. Is-self perceived problematic porn use hija dipendenza fejn ikun hemm kunflitt mal-valuri li huma mgħallmin mill-familja u l-kultura ta’ madwar il-persuna. Il-valuri li wieħed jassorbi minn madwaru huma s-sesswalità, ir-reliġjon, normi kulturali, aspettattivi mill-familja, taboos u l-użu tal-midja sesswali.

Dawn jinfluwenzaw il-mod ta’ kif wieħed jaħseb dwar; il-mod ‘tajjeb’ ta’ kif ikollok x’taqsam ma’ xi ħadd, kemm-il darba tagħmel masturbazzjoni, l-orjentazzjoni sesswali li hija aċċettata, fantasiji sesswali normali, it-tabù tal-masturbazzjoni (kif għal ċertu soċjetajiet huwa ikkunsidrat bħala dnub).

Sib aktar informazzjoni dwar il porn hawnhekk.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks