L-Arċisqof Charles Scicluna offra li jagħmilha ta’ medjatur bejn Mario Mallia u r-Rettur tal-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir, Patri Aaron Zahra jekk jaċċettaw u jkunu lesti jiddiskutu.

Dan tħabbar minn kelliema għall-Knisja f’Malta wara li lbieraħ, l-MUT ħabbret tilwima industrijali mal-Ordni tad-Dumnikani u mas-Segrerarjat tal-Edukazzjoni Kattolika b’reazzjoni għat-tkeċċija ta’ Mario Mallia minn kap tal-kulleġġ.

Waqt protesta li fiha pparteċipaw għadd ta’ studenti, edukaturi u ġenituri quddiem il-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir, il-Belt Valletta, l-MUT ikkundannat id-deċiżjoni tal-bord tal-kulleġġ u tar-Rettur Patri Aaron Zahra għat-tkeċċija ta’ Mario Mallia kif ukoll talbet ir-riżenja jew it-tneħħija tagħhom mill-kariga.

L-MUT allegat li minbarra t-tkeċċija ta’ Mario Mallia, Patri Aaron Zahra bagħat tliet ittri legali lill-membri tal-istaff biex iwaqqfu l-protesta li kienet se ssir.

Fl-istqarrija, l-MUT qalet li l-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir huwa istituzzjoni edukattiva ewlenija li jistħoqqilha tmexxija bi sfond ta’ tmexxija edukattiva b’saħħitha u viżjoni li tħares ‘il quddiem u tqis li l-bord u r-Rettur mhumiex kapaċi jmexxu istituzzjoni edukattiva permezz tal-azzjonijiet tagħhom.

Kemm l-MUT kif ukoll persuni oħrajn, inkluż Mario Mallia nnifsu sostnew li t-tkeċċija tiegħu ġiet minħabba inizjattivi relatati mal-inklużjoni. Madankollu, il-bord tal-kulleġġ u r-Rettur ċaħdu kategorikament u qalu li t-terminazzjoni tal-impjieg hija riżultat ta’ diversi kwistjonijiet maniġerjali li ma ġewx solvuti.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks