Ftit tal-jiem ilu, ħafna rċevew ir-riżultati tal-eżamijiet. U ma’ dan, diversi posts fuq il-midja soċjali minn studenti jaqsmu l-ferħ u s-sodisfazzjon tagħhom għar-riżultati li ġabu.
Oħrajn, li jkunu ħafna inqas minn tal-ewwel, itellgħu xi post fejn jgħidu li ma rnexxilhomx jiksbu r-riżultati li xtaqu imma determinati li jerġgħu jippruvaw.
Aktar mill-istudenti nnifishom, jispikkaw partikolarment il-posts tal-ġenituri, li naturalment jaqsmu l-ferħ u s-sodisfazzjon ma’ uliedhom
Ikun hemm ukoll dawk li jfakkruna f’dawk li l-fatt li ma jkunux kisbu r-riżultati li xtaqu, jaffettwahom ħażin ħafna. Kif ukoll f’dawk li jkollhom pressjoni minn ta’ madwarhom, speċjalment mill-ġenituri, biex jiksbu riżultati b’marka għolja ħalli jkunu jistgħu jibdew il-karriera, li xi drabi, il-ġenituri aktar mill-istudenti, joħolmu li uliedhom ikollhom.
Dan kollu jqajjem kontroversja, għaliex filwaqt li wħud jgħidu li ma fiha xejn ħażin li l-ġenituri jiktbu kliem ta’ tifħir fuq ir-riżultati tajbin li kisbu uliedhom u jesprimu l-ferħ u s-sodisfazzjon tagħhom, anzi, hija xi ħaġa sabiħa u pożittiva, oħrajn jaħsbu li dan huwa nuqqas ta’ sensittività lejn persuni li r-riżultati tal-eżamijiet ma jġibulhom xejn ħlief diżappunt u niket.
Imma allura dan ifisser li d-diżappunt ta’ persuna għandu jwaqqaf lill-oħra milli tesprimi l-ferħ tagħha?
Hija kwistjoni ta’ wieħed għandu jkun aktar sensittiv lejn dawk li jesperjenzaw diżappunt u ma jikteb u jtella’ xejn fuq il-midja soċjali jew forsi wieħed għandu jfittex li fl-aħħar mill-aħħar, anki f’sitwazzjoni diffiċli u minkejja d-diżappunt tiegħu, ikun kapaċi jifraħ xorta waħda għall-kisbiet ta’ ħaddieħor mingħajr ma jħossu li hu inqas minnu?
Il-ġenituri għandhom jiktbu kliem ta’ tifħir fuq il-midja soċjali meta uliedhom jgħaddu mill-eżamijiet?
Int x’taħseb? X’inhi l-opinjoni tiegħek?
