Select Page

Il-Papa Franġisku qal li jista’ jasal iż-żmien fejn jikkunsidra li jwarrab, u jagħmel dan jekk iħoss li saħħtu ma tippermettilux li jservi kif suppost.

Huwa għamel dawn il-kummenti fi tmiem iż-żjara tiegħu fil-Kanada, fejn skuża ruħu man-nies indiġeni, li kien jinvolvi vjaġġi estensivi u ġranet twal.

Il-Papa, ta’ 85 sena, saħaq li għalissa għandu l-ħsieb li jkompli fid-doveri tiegħu, u jħalli f’idejn Alla dwar meta se jwarrab, jekk iwarrab.

“Mhux katastrofi li tbiddel il-Papa, mhix tabù,” qal lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan mit-territorju tal-Artiku tal-Kanada għal Ruma.

“Il-bieb għall-irtirar huwa miftuħ, hija għażla normali. Imma sal-lum ma ħabbatx fuq dak il-bieb. Ma ħassejtx il-ħtieġa li naħseb dwar din il-possibbiltà, imma dan ma jfissirx li fi żmien jumejn oħra ma nibdiex naħseb dwarha.”

F’dawn l-aħħar xhur il-Papa Franġisku sofra diffikultajiet fl-irkoppa li ħalla impatt fuq il-mobilità tiegħu. Hu qatta’ ħafna miż-żjara tiegħu fil-Kanada juża siġġu tar-roti.

Iżda riċentament ċaħad l-ispekulazzjoni dwar mard aktar serju u ta’ theddida għall-ħajja.

“Dan il-vjaġġ kien intens,” qal. “Ma naħsibx li nista’ nibqa’ nivvjaġġa bl-istess ritmu li kont fl-età tiegħi u bil-limitazzjoni ta’ din l-irkoppa.

“Jeħtieġ li jew nieħu aktar ħsieb tiegħi nnifsi biex inkompli naqdi l-Knisja, jew inkella nikkunsidra l-possibbiltà li nwarrab”.

Il-Papa, li l-predeċessur tiegħu Benedittu XVI irtira minħabba problemi f’saħħtu fl-2013, qal li hu kien ħerqan li jżur l-Ukrajna fi ftit jiem oħra, iżda l-ewwel ikollu jfittex il-parir tat-tobba tiegħu.

Fiż-żjara tiegħu fil-Kanada, l-għan prinċipali tiegħu kien li jiskuża ruħu man-nies indiġeni tar-reġjun għall-ħsarat li saru kontrihom minn dawk fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Il-Papa deher l-aktar impenjat fl-interazzjonijiet tiegħu man-nies lokali, b’mod partikolari l-vittmi tal-abbuż fl-iskejjel Kattoliċi.

Iżda kien hemm drabi waqt xi wħud mill-proċeduri formali mal-politiċi li l-għeja tiegħu fi vjaġġ impenjattiv dehret ovvja.

Huwa tkellem mal-ġurnalisti fuq l-ajruplan fil-vjaġġ tiegħu lura lejn Ruma dwar firxa ta’ suġġetti u kif ukoll dwar il-kritika tiegħu fuq l-hekk imsejħa “tradizzjonalisti” fil-Knisja.

“Knisja li ma tevolvix hija knisja li tmur lura,” qal il-Papa Franġisku.

“Ħafna nies li jsejħu lilhom infushom tradizzjonalisti, mhumiex, huma biss persuni li jmorru lura. Dak huwa dnub.

“It-tradizzjoni hija l-fidi ħajja tal-mejtin, minflok l-attitudni tagħhom hija l-fidi mejta tal-ħajjin. Importanti li wieħed jifhem ir-rwol tat-tradizzjoni, mużiċist kien jgħid li t-tradizzjoni hija l-garanzija tal-futur, mhix biċċa li tappartjeni f’mużew”.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks