Mara Brażiljana, inżammet ostaġġ flimkien maż-żewġ uliedha, minn żewġha għal 17-il sena.
Il-familja ġiet salvata minn dar fil-viċinat ta’ Guaratiba, fil-punent ta’ Rio de Janeiro nhar il-Ħamis, qalet il-pulizija.
Ir-raġel ġie arrestat.
F’kummenti lill-awtoritajiet ikkwotati mis-sit tal-aħbarijiet Brażiljan G1, il-mara allegat li żewġha qal li kienet se titlaq mid-dar biss ladarba tkun mejta.
Skont G1, ir-raġel, imsemmi mill-awtoritajiet bħala Luiz Antonio Santos Silva, u martu kienu ilhom miżżewġin 23 sena.
Wara li ġiet salvata, l-omm allegatament qalet lill-awtoritajiet li t-tliet membri tal-familja li kienu qed jinżammu ostaġġi, xi drabi kienu jitħallew mingħajr ikel għal tlett ijiem, u ħafna drabi kienu abbużati fiżikament u psikoloġikament.
Ritratti maħruġa mill-pulizija juru d-dar li fiha kienu miżmuma kienet ukoll fi stat ħażin, bi ftit dawl u maħmuġa.

Skont il-pulizija, iż-żewġt itfal adulti kienu marbutin, b’nuqqas ta’ iġjene u mejta bil-ġuħ meta nstabu. Huma għandhom 19 u 22 sena, tirrapporta l-midja lokali.
Il-Kaptan tal-pulizija militari William Oliveira qal f’kummenti kwotati mill-gazzetta Brażiljana O Dia li fil-bidu ħaseb li kienu tfal minħabba l-livell ta’ malnutrizzjoni tagħhom.
“Meta rajna l-istat taż-żewġt itfal, ħsibna li ma kinux jibqgħu ħajjin ġimgħa oħra,” qal residenti lokali lil G1.
Il-midja lokali rrappurtat li wara li ġew salvati t-tlieta ttieħdu immedjatament l-isptar biex jingħataw kura għal deidrazzjoni severa u malnutrizzjoni.
L-uffiċċju tal-affarijiet interni tal-pulizija ċivili fetaħ investigazzjoni dwar għaliex il-familja ma ġietx salvata aktar kmieni, wara li fl-2020 kien sar rapport dwar is-sitwazzjoni tal-familja.
