Xħin sab ruħu fuq l-għatba tal-iskola, induna li l-istudenti kollha kienu diġà daħlu fil-klassijiet tagħhom. Daħal fil-kuritur u beda jfittex il-klassi numru għaxra. Beda jimxi u jimxi. Fuq naħa kien hemm il-lokers tal-istudenti u fuq in-naħa l-oħra kien hemm il-klassijiet.
Beda jħares lejn in-numri żgħar li kien hemm immarkati biswit il-bibien tal-klassijiet. Mija………disa’ u disgħin………tmienja u disgħin………..kien fadallu x’jimxi sakemm isib in-numru għaxra! Beda jimxi tul il-kuritur u jħares lejn l-istudenti minn ġol-ħġieġ li kien jifred il-kuritur u l-klassijiet.
Mexa u mexa. Ħaffef ftit ħalli jipprova ma jasalx tard ħafna. Tant kemm kienet kbira din l-iskola, kien kważi qata’ n-nifs xħin wasal ħdejn il-klassi numru ħdax! U hekk kif kien għoddu qabad il-pum tal-klassi li kien imiss, induna li din kienet in-numru disa’!
Fejn kienet in-numru għaxra? Beda jdur madwar il-kuritur u jfittex. Iżda ma seta’ jsib xejn b’dak in-numru! Għal mument, beda jippanikja! Issa x’kien se jagħmel? Beda jdawwar rasu ħalli jara jekk kienx hemm xi ħadd iżda l-kurituri kienu kollha vojta. Ovvjament kulħadd kien qed jagħmel lezzjoni, sewwa l-għalliema u anke l-istudenti!
Imbagħad dak il-ħin, donnu lemaħ bieb tal-injam, li kien jidher xi ftit mikul. Għal mument beda jaqbdu sudizzjon u stkerrħu. Kien jidher xi ftit qadim. Iżda ma kellux għażla oħra għax hemmhekk biss kien għadu ma ċċekkjax.
Fetaħ il-bieb biż-żaqżiq u sab ruħu f’kuritur ieħor xi ftit aktar dejjaq minn dak li kien fih. Anke hawn kien hawn il-lokers fuq naħa u l-klassijiet fuq l-oħra. Imma hawn kien donnu żdingat xi ftit. Kien hawn riħa ta’ umdu, ra l-għanqbut u xi graffiti mħażżeż mal-ħitan. Il-bibien u l-ħġieġ ta’ dawn il-klassijiet ukoll dehru xi ftit aktar mitluqin mill-oħrajn. U oħroġ il-għaġeb, hawn kien jidher xi ftit imdallam u l-ħitan skuri. U mingħajr ma kellu għalfejn ifittex iżjed, ra n-numru għaxra! Resaq lejn il-bieb tal-klassi u fetħu. L-għalliem beda jħares lejh donnu ma kienx jaf bih. L-istudenti, li sa ftit ilu kienu qegħdin jitkellmu fuq is-suġġett tal-lezzjoni, waqgħu kollha fil-muta.
“X’jismek?” staqsieh l-għalliem bi tbissima.
“Jien student ġdid. Jisimni Alexander Cassar,” qalilhom.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks