Select Page

L-attriċi Amerikana Nichelle Nichols, magħrufa l-aktar għar-rwol tagħha fis-serje televiżiva ta’ xjenza-fizzjoni tas-snin sittin Star Trek, mietet fl-età ta’ 89 sena.

Nichols għelbet l-ostakli u għamlet differenza bir-rwol tagħha bħala Lieutenant Nyota Uhura fis-sensiela, u saret waħda mill-ewwel atturi ta’ karnaġġjon skur fl-Istati Uniti li kellha figura fl-awtorità.

Aktar tard ġiet impjegata min-Nasa fi sforz biex tinkoraġġixxi aktar nisa u Afrikani-Amerikani biex isiru astronawti.

Hija mietet b’kawżi naturali nhar is-Sibt filgħaxija, ħabbar binha Kyle Johnson.

Is-serje televiżiva Stat Trek kissret l-isterjotipi fis-sittinijiet billi kienet tinkludi atturi ta’ karnaġġjon skur u dawk li kienu meqjusa bħala minoritarji, fi rwoli ta’ profil għoli.

Nichols ħadmet fis-sensiela bħala l-Lt Uhura, li kienet murija bħala uffiċjal tal-komunikazzjoni kompetenti u b’dan irnexxielha tkun ta’ għajnuna biex jitkissru l-isterjotipi.

Fl-1968, hi u l-istilla ta’ Star Trek William Shatner, li interpreta l-karattru tal-Kaptan Kirk fis-sensiela, ħadu dan il-qasam f’direzzjoni ġdida meta qasmu waħda mill-ewwel bews interrazzjali tat-televiżjoni, għalkemm ma kinitx waħda romantika.

Minkejja s-suċċess tagħha, madankollu, Nichols kienet inizjalment ikkunsidrat li titlaq mis-sensiela. Iżda kienet biddlet il-ħsieb tagħha wara li Martin Luther King Jr iddeskriva l-karattru tagħha bħala “l-ewwel rwol mhux sterjotipiku interpretat minn mara ta’ karnaġġjon skur fl-istorja tat-televiżjoni”.

Hija kompliet tidher fl-ewwel sitt films ta’ Star Trek wara t-tmiem tas-serje fl-1969.

Minbarra li ħadmet bħala attriċi, Nichols saret ukoll ambaxxatriċi għall-aġenzija spazjali Amerikana Nasa, u għenet biex tħarreġ nisa u minoranzi għall-programm spazjali tagħha.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks