Wara tant stennija, tnieda l-vidjow mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ta’ Mużika Mużika 2022, Bla Tarf, interpretata minn Kurt Calleja, fuq kitba tiegħu stess u kompożizzjoni ta’ Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur u Peter Borg, li tirrakkonta storja ta’ koppja li ssuperat kull ostaklu. Il-vidjow mużikali interpreta din l-istorja u ġie miġbud minn tim ta’ professjonisti.

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika s-Sur Raymond Bugeja faħħar lit-tim tal-produzzjoni tal-vidjow mużikali, li għal darb’oħra laħaq livelli tal-ogħla kwalità. Hu kompla billi esprima x-xewqa tiegħu li għall-edizzjoni li ġejja, Mużika Mużika jkompli jilħaq ġeneri mużikali aktar diversi. “Jiena kburi bix-xogħol li qed isir. Mużika Mużika kontinwament jissupera l-aspettativi, kemm fuq livell ta’ produzzjoni, kif ukoll fl-ambitu kreattiv. Inħeġġeġ lill-kantanti, l-kompożituri u l-awturi biex ma jitilfux l-opportunità li jkunu parti mill-istorja ta’ dan il-festival tant prestiġġjuż.”

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta s-Sur Aaron Zahra tkellem fuq l-importanza ta’ Mużika Mużika kemm għal Festivals Malta kif ukoll għal-lingwa Maltija. Is-Sur Zahra kompla jgħid, “Aħna se nikkommettu ruħna li għal darb’oħra nipproduċu festival tal-ogħla livell, kemm għall-kantanti, il-kompożituri u l-awturi li se jieħdu sehem, kif ukoll għall-udjenzi tagħna. Ninsab ċert li l-edizzjoni tal-2023 se tkun ta’ suċċess bħall-edizzjonijiet preċedenti.”​​

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, is-Sa Annabelle Stivala, faħħret il-produzzjoni tal-vidjow mużikali filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha involuti. “Vidjow mużikali emozzjonanti u mill-isbaħ li biex ittella’ rrikjeda diversi sigħat ta’ xogħol mit-tim dedikat ta’ Festivals Malta u bosta professjonisti fis-settur. Dan il-vidjow mużikali beda jiġi ppjanat proprju minn ftit ġimgħat wara l-festival, u għalih involvejna għadd ta’ professjonisti fl-industrija, biex niżguraw il-kwalità tal-prodott finali u s-sigurtà fuq is-set.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks