Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-applikazzjonijiet għat-tielet edizzjoni tal-festival Mużika Mużika li se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2023.

Il-Ministru Bonnici faħħar it-tim organizzattiv għax-xogħol tajjeb li qed isir f’dan il-festival. “Irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-lingwa nattiva tagħna. Ċelebrazzjoni tal-ġmiel tal-kanzunetta Maltija.”

Żied jgħid li “se nkomplu naħdmu biex dan il-festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena u jibqa’ jkun appuntament annwali. Irridu niżguraw li aktar kantanti Maltin ikollhom opportunitajiet biex ikomplu jibnu l-karrieri mużikali tagħhom b’mod professjonali u bl-ogħla livell, kif nistgħu naraw f’dan il-festival,” sostna l-Ministru Bonnici.

Il-premijiet ta’ Mużika Mużika 2023 se jkunu ta’ €20,000 għall-ewwel post, €10,000 għat-tieni post u €5,000 għat-tielet post.

Il-kanzunetti għal Mużika Mużika 2023 jistgħu jiġu sottomessi sal-15 ta’ Ottubru 2022 online sa nofsinhar fuq www.muzikamuzika.mt, jew bl-idejn bejn l-10 u l-14 ta’ Ottubru 2022 bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ wara nofsinhar, jew il-15 ta’ Ottubru 2022 bejn id-9:00 ta’ filgħodu u nofsinhar fl-uffiċċju ta’ Festivals Malta, il-Furjana.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks