Select Page

L-Istati Uniti qatlet lill-mexxej ta’ Al-Qaeda, Ayman al-Zawahiri, f’attakk bid-drone fl-Afganistan, ikkonferma l-President Joe Biden.

Huwa nqatel f’operazzjoni kontra t-terroriżmu li saret mis-CIA fil-kapitali Afgana ta’ Kabul nhar il-Ħadd.

Biden qal li Zawahiri kien instiga qtil u vjolenza kontra ċittadini Amerikani.

Għaldaqstant huwa saħaq li issa saret ġustizzja u li kienet xi ħaġa li riedet issir.

Zawahiri ħa f’idejh l-Al-Qaeda wara l-mewt ta’ Osama Bin Laden fl-2011. Hu u Bin Laden ippjanaw flimkien l-attakki tal-11 ta’ Settembru u kien wieħed mill-“aktar terroristi mfittxija” tal-Istati Uniti.

Uffiċjali qalu li Zawahiri kien fil-gallarija ta’ dar sigura meta d-drone spara żewġ missili lejh.

Membri oħra tal-familja kienu preżenti, iżda ma weġġgħux u kien Zawahiri biss li nqatel fl-attakk, żiedu jgħidu.

Biden qal li kien ta l-approvazzjoni finali għall-qtil tal-mexxej tal-Al-Qaeda ta’ 71 sena wara xhur ta’ ppjanar.

Il-qtil tiegħu se jġib sens ta’ għeluq ta’ kapitlu għall-familji tal-kważi 3,000 vittma tal-attakki tal-2001, żied Biden.

Biden qal li Zawahiri kien imexxi wkoll atti oħra ta’ vjolenza, inkluż l-attakki suwiċida bil-bombi tad-destroyer navali USS Cole f’Aden f’Ottubru 2000 li qatel 17-il baħri Amerikan, u l-attakki tal-1998 fuq l-ambaxxati tal-Istati Uniti fil-Kenja u t-Tanżanija, li fihom mietu 223 persuna.

Insista li l-Afganistan qatt mhu se jerġa’ jsir kenn għat-terroristi.

Kelliem Taliban iddeskriva l-operazzjoni Amerikana bħala ksur ċar tal-prinċipji internazzjonali, iżda ma semmiex lil Zawahiri.

“Azzjonijiet bħal dawn huma ripetizzjoni tal-esperjenzi falluti tal-aħħar 20 sena u huma kontra l-interessi tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Afganistan u r-reġjun,” żied il-kelliem.

Madankollu, uffiċjali Amerikani sostnew li l-operazzjoni kellha bażi legali.

Il-qtil ta’ Zawahiri jseħħ kważi sena wara li t-truppi Amerikani temmew l-irtirar tagħhom mill-Afganistan fuq ordnijiet ta’ Biden, u b’hekk temmew preżenza militari ta’ 20 sena hemmhekk.

Taħt ftehim ta’ paċi tal-2020 mal-Istati Uniti, it-Taliban qablu li ma jippermettux lill-Al-Qaeda jew kwalunkwe grupp estremista ieħor jopera f’żoni taħt il-kontroll tagħhom.

Madankollu, it-Taliban u l-Al-Qaeda huma alleati għal żmien twil u uffiċjali Amerikani qalu li t-Talibani kienu konxji tal-preżenza ta’ Zawahiri f’Kabul.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken qal li bl-ospitar u l-kenn ta’ Zawahiri f’Kabul, it-Taliban “kiser bil-kbir” il-ftehim ta’ paċi.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks