Ġenituri ta’ tifel Ingliż li bħalissa jinsab f’koma, appellaw lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex twaqqaf lill-isptar milli jitfulu l-magni li qed iżommuh ħaj.
Archie Battersbee, ta’ 12-il sena, instab mitluf minn sensih id-dar fis-7 ta’ April. Il-ġenituri tiegħu jemmnu li seta’ kien qed jieħu sehem fi sfida onlajn li marret ħażin.

It-tobba jemmnu li Archie huwa brain dead u jgħidu li l-fatt li jibqa’ jinżamm ħaj permezz tal-magni mhuwiex fl-aħjar interess tiegħu.
Il-ġenituri tiegħu, Paul Battersbee u Hollie Dance, tilfu l-ġlieda tagħhom biex il-qrati Brittaniċi jwaqqfu lir-Royal London Hospital milli jitfi l-ventilatur tat-tifel u jwaqqfu interventi oħra li qed iżommuh ħaj.
Dance qalet li l-avukati tal-familja ressqu rikors lill-qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem ibbażata fi Strasburgu, sigħat qabel l-isptar ippjana li jibda jwaqqaf it-trattament u l-magni li qed iżommu lil Archie ħaj, nhar l-Erbgħa filgħodu.
“Issa nittamaw u nitolbu li l-ECHR tħares b’mod favorevoli lejn ir-rikors,” qalet. “Mhux se naqtgħu qalbna minn Archie sal-aħħar.”
Qalet ukoll li l-familja kienet qed tikkunsidra offerti minn pajjiżi oħra biex tittratta lil Archie.
Il-każ huwa l-aħħar fir-Renju Unit li poġġa s-sentenza tat-tobba kontra x-xewqat tal-familji. F’diversi każijiet, inkluż dan, il-familji ġew appoġġjati minn grupp reliġjuż ta’ pressjoni, Christian Concern.
Skont il-liġi Brittanika, huwa komuni li l-qrati jintervjenu meta l-ġenituri u t-tobba ma jaqblux dwar it-trattament tat-tfal. F’każijiet bħal dawn, id-drittijiet tat-tfal jieħdu primat fuq id-dritt tal-ġenituri li jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għal uliedhom.
Il-Qorti Suprema tar-Renju Unit qalet it-Tlieta li Archie ma kellu “l-ebda prospett ta’ xi rkupru sinifikanti,” u anke bi trattament kontinwu kien se jmut fil-ġimgħat li ġejjin minn insuffiċjenza tal-organi u tal-qalb għalhekk qablet li t-trattament kontinwu “jservi biss biex itawwal il-mewt tiegħu.”
