Permezz ta’ filmat li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Manuel Cuschieri qal li l-ħlas li se jkun qed jirċievi mill-ħatra l-ġdida tiegħu, se jkun qed jagħtih kollu lil Puttinu Cares.
Dan wara li ħarġet l-aħbar li nħatar mill-gvern bħala membru f’bord relatat mal-ħarsien tal-anzjani, xahar wara li l-programm politiku tiegħu Linja Diretta, ġie mwaqqaf minn radju ONE.
Fil-filmat huwa rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll lill-Ministru Michael Falzon għall-fiduċja li urew fih.
Madankollu, huwa għadda messaġġ lil l-Prim Ministru fejn qallu li huwa lest li jservi fi kwalunkwe kariga li jista’ jingħata u jagħti l-ħlas ta’ kull xogħol li jagħmel lil Puttinu, iżda qallu li l-akbar xewqa li għandu bħalissa hija li b’deċiżjoni tiegħu, jara kif se jsolvi l-kwistjoni tal-programm tiegħu.
Minn wara li twaqqaf il-programm tiegħu fuq l-istazzjon tar-radju ONE, Manuel Cuschieri kompla jagħmlu permezz ta’ filmati live fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, iżda jisħaq li minkejja qed ikollu ħafna segwaċi xorta waħda, ma jistax jilħaq partikolarment lill-anzjani li mhumiex midħla tal-midja soċjali.
Huwa appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jintervjeni u jsolvi l-problema tal-programm tiegħu, li b’dan, skont hu, ikun qed jagħmel ġid lill-anzjani.
Cuschieri saħaq li jekk hemm xi ħaġa li jixtieq, mhijiex ħatriet fil-bordijiet iżda li jerġa’ jirritorna bil-programm tiegħu.
Fl-aħħarnett, għal darb’oħra reġa’ semma’ li jekk il-kwistjoni ma tissolvix, lest li jikkunsidra jagħmel il-programm fuq stazzjonijiet oħra.
Ftit jiem ilu, fuq il-paġna tiegħu, Cuschieri rrimarka li l-bieb ta’ One Radio għadu magħluq għalih u li għalissa qed jieħu paċenzja iżda b’mod ċar qal ukoll li l-paċenzja mhix se tkun għal dejjem.
