Il-ġenituri ta’ Archie Battersbee, it-tifel Ingliż ta’ 12-il sena li ilu f’koma minn April, ma tħallewx jiħduh f’hospice.

Huma applikaw għall-permess wara li I-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li rrifjutat it-talba tagħhom biex iwaqqfu lill-isptar milli jitfi l-magni li qed iżommu lil binhom ħaj.

Omm Archie riedet li binhom jittieħed f’hospice biex iqatta’ l-aħħar ftit ħin ta’ ħajtu f’ambjent ta’ paċi.

Iżda t-tobba wissewhom li kien wisq instabbli biex jiġi trasferit bl-ambulanza.

B’reazzjoni għad-deċiżjoni dwar il-hospice, omm it-tifel qalet li x-xewqat kollha tal-familja ġew miċħuda mill-awtoritajiet, iżda se jibqgħu għaddejjin għax jirrifjutaw li jaqtgħu qalbhom minn binhom

Archie, li qed jingħata l-kura fir-Royal London Hospital, instab mitluf minn sensih id-dar f’Southend, Essex, fis-7 ta’ April, il-ġenituri jaħsbu li seta’ kien qed jieħu sehem fi sfida onlajn.

Huwa sofra ġrieħi “katastrofiċi” fil-moħħ u t-tobba qed jikkunsidrawh bħala brain dead.

It-tifel ilu minn dakinhar fuq magni li żammewh ħaj s’issa. It-tobba qed jgħidu li l-magni għandhom jintfew filwaqt li l-ġenituri ma jridux li dan iseħħ.

Tabib li kien qed jikkura lil Archie ta evidenza li l-aħjar interessi tiegħu kienu se jkunu ta’ importanza kbira u li l-isptar jista’ jippermettilu jmut f’ambjent ta’ paċi u privat imdawwar bil-familja li kien iħobb.

Min-naħa l-oħra, il-ġenituri ta’ Archie qalu li ċ-ċirkustanzi fir-Royal London u nuqqas ta’ fiduċja jfissru li Archie mhuwiex se jmut fil-paċi u b’ dinjità fl-isptar.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks