Ilbieraħ daħlet fis-seħħ bidla dwar uffiċjali tal-pulizija Maltin li għandhom it-tattoos.

Kemm uffiċjali li diġà huma fis-servizz kif ukoll dawk li huma mħajra li japplikaw biex jissieħbu fil-Korp tal-Pulizija, issa jista’ jkollhom tattoos viżibbli f’idejhom u f’saqajhom.

Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn it-tattoos ma jistgħux ikunu indiċenti, sessisti, razzisti jew iweġġgħu s-sentimenti tal-pubbliku.

Filwaqt li se jiġu aċċettati tattoos fl-idejn u fis-saqajn, se jibqgħu projbiti tattoos fl-għonq, fil-wiċċ u fuq il-pala tal-id sakemm mhux għal raġunijiet mediċi.

Min japplika biex jissieħeb fil-korp huwa mitlub li jibgħat ritratt tat-tattoo u l-qisien tagħha, li mbagħad jgħaddu minn bord li se jkun qed jitwaqqaf apposta biex jara li t-tattoos ikunu skont ir-regoli.

Qabel din il-bidla, persuni b’tattoos setgħu jissieħbu fil-Korp tal-Pulizija sakemm ikunu mgħottija.

Dan qed isir biex, fost oħrajn, iħeġġeġ iktar żgħażagħ jidħlu fil-Korp.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li din il-bidla tirrifletti bidliet kulturali fis-soċjetà.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks