“Tajjeb, Alexander. Aħna għandna pjaċir kbir bik,” qallu. “Jien is-Sur James Mahoney u din hija l-lezzjoni tal-matematika. Għidulu ħelow!” qal lill-istudenti.
Kollha qamu bilwieqfu u ferħu bih.
“Matematika?” staqsa Alex.
“Fuq l-iskeda…….”
“Matematika,” qallu l-għalliem.
Alex ħaseb li kellu xi żball u mar bilqiegħda fuq l-unika skrivanija li kien hemm vojta. Kollox kien jidher qadim! Waqt il-lezzjoni beda jifli lill-istudenti l-oħra u għal mument ħassu tassew tajjeb. Kollha kienu jidhru li ferħu bih, min jidħaqlu minn taħt, min jehmżu, min jitfagħlu xi ajruplan tal-karti u jxejjirlu………
U lanqas biss kien induna li l-lezzjonijiet kienu tgerrbu wara xulxin, li kien għadda l-ħin u malajr daqqet il-qanpiena biex imur lura lejn id-dar!
Sellmilhom, qabad il-basket tal-iskola, mar lura mill-bieb tal-injam minn fejn kien ġie u fost ħafna studenti oħrajn li kienu għaddejjin fil-kurituri, sejrin kollha ‘il barra, ra raġel li beda jħares lejh b’mod stramb.
“Inti l-istudent il-ġdid? Alexander Cassar?” staqsieh.
“Iva,” wieġbu Alex.
“Jien is-surmast. Is-Sur Pendley.”
Ħadu b’idejn xulxin.
L-għalliem tiegħek is-Sur Godfrey Barklay għadu kemm infurmani li inti m’attendejtx lezzjonijiet.”
“Le kollha attendejthom,” qallu Alex. “Jien imxejt mal-iskeda, kont fi klassi numru għaxra mas-Sur James Mahoney!”
“X’inti tgħid?” staqsieh is-surmast hekk kif għaddew xi studenti minn bejniethom. “Inti fi klassi numru mija kellek tkun mas-Sur Barklay!”
“Imma jien fuq il-karta……….” qallu Alex. “Għaxra kelli.”
“Impossibbli!” qallu s-Sur Pendley kważi jgħajjat miegħu. “Ma niċċajtawx b’dawn l-affarijiet! Ma jagħmillekx ġieħ!”
“Imma jien…..għaxra kelli miktub.” Kieku mhux għax il-karta tal-iskeda kien nesieha fil-klassi, kieku kien jurihielu.
“Mela ħadu żball…….għada qis li tattendi l-lezzjonijiet. U terġax issemmi dik il-klassi!”
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi