Is-surmast ħallieh b’ħalqu miftuħ, hekk kif telaq minn ħdejh. Qabditu l-kurżità u mar lura lejn il-bieb tal-injam minn fejn kien għadu kemm ħareġ. Ried jara jekk l-għalliem kienx għadu hemm ħalli jaqbel miegħu fuq il-lezzjonijiet. Iżda l-bieb tal-injam ma setax jinfetaħ!
Kien hemm xi studenti li bdew iħarsu lejh b’mod stramb.
Ma tantx kien bdiha tajjeb l-ewwel ġurnata tal-iskola l-ġdida!
Mar id-dar. Qal b’kollox lil ommu u din bilkemm riedet temmnu.
“Tibdiex tivvinta ħalli nerġgħu mmorru lura! Taf li missierek ma jistax!” qaltlu.
Alex ħa nifs twil u telaq lejn kamartu.
Il-kurżità bdiet tiekol fih.
Ried jiskopri ftit aktar dwar dik l-iskola stramba li kien sab ruħu fiha dakinhar stess. Xegħel il-kompjuter u beda jfittex fuqha fuq l-internet.
Ħass ġismu jibbies mas-siġġu. Ħass fawra tiela’ għal rasu.
“Wieħed ta’ Novembru tas-sena elf disgħa mija, disa’ u disgħin. Klassi tfal u għalliem imutu f’nirien li ħakmu l-iskola,” beda jaqra b’nifsu maqtugħ. Qalbu bdiet tħabbat mija mija. “Ħadd minnhom ma salva. Is-Sur James Mahoney u għoxrin student kollha tilfu ħajjithom fi klassi numru għaxra tal-iskola. Dik il-parti tal-iskola għadha magħluqa sal-lum. Ħadd ma jaf x’ikkawża n-nirien……..”
Beda jirtogħod. Quddiemu beda jara r-ritratti tat-tfal u l-għalliem li kien għadu kemm għadda ġurnata sħiħa magħhom!
Ma kien qal lil ħadd.
Ħadd ma kien se jemmnu!
Il-bieb tal-injam baqa’ magħluq u ssiġillat. Fuq l-iskeda suppost kien hemm klassi numru mija.
Ried jinsa.
Ried jinsa dak li kien għadda mingħalih.
Iżda xahrejn wara………
Xahrejn wara eżatt, irċieva stedina d-dar li qatt ma stenna! Ra ittra ndirizzata għalih.
“Nixtiequ nistednuk għal rijunjoni li se ssir fl-ewwel ta’’ Novembru ta’ din is-sena talli inti kont parti mill-klassi tagħna. Niltaqgħu fi klassi numru għaxra.
Is-Sur James Mahoney.”
Inħasad.
Alex beda jżomm mas-siġġu ħalli ma jaqax mal-art. Qatt ma reġa’ pprova jidħol f’dak l-imbierek bieb tal-injam!

Avukata u Awtriċi