L-istaġun tal-festi tas-sajf Malti jilħaq l-aqwa tiegħu bil-Festa tal-Assunta, magħrufa wkoll bħala l-festa ta’ ‘Santa Marija’. Fil-fatt din il-festa tiġi ċċelebrata f’mhux inqas minn sebat ibliet: l-Imqabba, il-Qrendi, il-Mosta, Ħ’Attard, il-Gudja, Ħal Għaxaq, u r-Rabat f’Għawdex.
Però ma rridux ninsew li l-ħmistax ta’ Awwissu hija ġurnata importanti fl-istorja ta’ Malta. Tmenin sena ilu, waqt it-Tieni Gwerra Dinija, il-Maltin reġgħu kisbu t-tama, wara jiem koroh, ta’ ġuħ u ta’ qtugħ il-qalb. Kienu ħamsa mill-erbatax-il bastiment fl-Operazzjoni Pedestal li daħlu fil-Port il-Kbir f’Awwissu 1942. L’hekk imsejjaħ il- ‘Konvoj ta’ Santa Marija’, ġab miegħu provvisti tal-ikel u fjuwil.
It-tim kollu ta’ Skoperta jixtieq jawgura l-festa t-tajba lilkom kollha. U bilħaqq min irid ikompli jiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija, nhar il-Ħadd li ġej din il-festa tiġi ċċelebrata f’Ħad-Dingli u fl-Imġarr.
Viva Santa Marija!
