Select Page

L-arti minn dejjem kienet mezz ta’ kif wieħed jista’ jaħrab mir-realtà u aktar ma d-dinja tiggrava, aktar ikun hemm arti astratta. Dan kien il-ħsieb ta’ Vassily Kandinsky, wieħed mill-artisti ewlenin tal-arti astratta.

L-astratt huwa parti mill-ħajja umana fejn il-bniedem għandu l-kapaċità li jimmaġina sitwazzjonijiet li ma jeżistux. L-arti hija riflessjoni ta’ oġġetti u interpretazzjoni permezz ta’ kuluri u forom.

Fuq din it-tema, il-pittura astratta bit-titlu Color Rhapsody tal-artista u kittieba lokali Mary Anne Zammit, ġiet ippublikata fil-55 volum ta’ ArtAscentArt & Literature Journal. Dan hu ġurnal Internazzjonali tal-arti u l-letteratura li jkopri tema li jiġbor fih artisti u kittieba internazzjonali. It-tema kienet l-astratt u l-pittura tinkludi drapp imħallat ma’ kuluri.

Din mhijiex l-ewwel darba li x-xogħol ta’ Mary Anne Zammit ġie ppublikat f’dan il-ġurnal għaliex fis-sena 2018 ġiet ippubblikata l-pittura tagħha bl-isem ta’ Rainfall u t-tema kienet il-ħarifa.

Normalment, bħala artista, Mary Anne Zammit tpinġi l-figura umana u partikolarment il-figura femminili. Hi tgħid li il-ġisem uman u l-kumplessità tiegħu minn dejjem kien jinteressaha. “Il-faxxinu tan-nudo kien mill bidu nett imfittex mill-artisti għaliex huwa l-aktar suġġett li jħossuhom viċin tiegħu.”

“In-nudo huwa interessanti ħafna imma għalkemm il-ġisem uman nafuh, hu kemmxejn kumplikat. Dan is-suġġett ħafna drabi jirrikjedi paċenzja u dixxiplina. Il-ġisem tal-bniedem hu senswali fih innifsu u hemm biss linja għal element erotiku imma dan dejjem kif tħares lejn is-suġġett.”

Mary Anne Zammit

Sa mis-sena 2001, l-artista Mary Anne, li tħobb ukoll tesperimenta bl-arti astratta permezz tal-kulur mħallat mad-drapp. ħadet sehem f’diversi wirjiet tal-arti kollettivi u anke solo, kemm lokali u kemm barra minn xtutna. Fost dawn hemm fis-sena 2004 f’wirja kollettiva ġewwa Museo Tempra fil-Gattopardo Palazz Ducali ġewwa Palma de Montechiaro, Sqallija. Kien hemm ukoll aktar esebizzjonijiet organizzati mill-Malta International Biennale u anke minn assoċjazzjonijiet lokali.

F’Ġunju 2018, Mary Anne Zammit ipparteċipat f’esebizzjoni internazzjonali tal-Arti Kollettiva ġewwa Mezzujosu, Sqallija u hemm ingħatat il-premju ‘L Artista dell Anno bħala rikonoxximent għall-kisbiet fil-qasam artistiku tagħha.

Xogħlijiet artistiċi oħra ta’ Mary Anne Zammit dehru ukoll f’ġurnali Internazzjonali oħra.

Mary Anne Zammit hija ukoll awtriċi ta’ erba’ novelli bil-lingwa Maltija u tnejn bil-lingwa Ingliża. Diversi poeżiji ta’ Mary Anne ġew ippubblikati f’ġurnal u Antoloġiji Internazzjonali fosthom The International Poet Magazine, fejn anke ġiet intervistata fuq l-istess ġurnal.

Mill-2019 Mary Anne bdiet tikkontribwixxi regulari fil-magażin Familja fis-sezzjoni tal-kultura. Il-magażin joħroġ kull tlett xhur mill-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà.

Fis-sena 2021, poeżiji tagħha dehru f’antoloġiji speċifiċi fuq il-pandemija, u poeżiji oħra ġew tradotti għal-lingwa Serbjana kif ukoll ippublikati fil-magażin uffiċjali tal-Association of Writers in Serbia u Poetry zine Magazine, Serbia.

Fl-2022 poeżiji oħra ġew ippubblikati f’antoloġija internazzjoali għall-paċi, World Poetry Tree, li kien bħala parti mill-Expo Dubai u aktar tard inklużi wkoll f’antoloġija ispirata mill-arti, Touch of Japan.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks