Inħossni waħdi u li ħadd ma jifhimni meta ningħalaq fija nnifsi.

Inħossni waħdi u differenti mill-bqija għax jien ma noħroġx daqshekk ma’ sħabi bħal ma nara lil ħafna jagħmlu fuq il-midja soċjali.

Inħossni waħdi għax jien bqajt single, qisni bqajt fuq l-ixkaffa! X’għandi ħażin, m’iniex attraenti?

Dawn il-vuċijiet iduru f’moħħ kulħadd, anke f’ta’ dak li narah il-ħin kollu mdawwar bin-nies.

Meta nsib ruħi waħdi rrid niftakar biex ma nibżax mill-fatt li nkun waħdi. Irrid nitgħallem noqgħod miegħi nnifsi ħa nara s-sbuħija totali ta’ persunti.

Il-verità hi waħda li kulħadd iħossu waħdu imma mhux kulħadd kapaċi jesprimi das-sentiment kif għamilt jien hawn fuq. Għid prosit lilek innifsek u awgura ħafna affarijiet sbieħ lilek innifsek bħalma nagħmel jien.

Iva, xorta nħossni waħdi u ħa nibqa’ nħossni waħdi imma ma niddisprax għax dejjem qiegħda fil-kumpanija sabiħa tiegħi innifsi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks