Illum huwa l-Jum Dinji tal-Fotografija, ċelebrazzjoni annwali u dinjija tal-arti, is-sengħa, ix-xjenza u l-istorja tal-fotografija. Din il-ġurnata tagħti ċans biex titfaħħar l-arti u s-sbuħija ta’ din is-sengħa.

Fost il-fotografi popolari nsibu lil Mario Testino li ffotografa lil Diana, Prinċipessa ta’ Wales għall-famuż cover tagħha ta’ Vanity Fair fl-1997. Fotografu famuż ieħor huwa Jimmy Nelson li jżur nies tribali u jieħu ritratti tagħhom fl-abitat naturali tagħhom. Dawn ir-ritratti huma meravilja peress li l-emozzjonijiet jinqabdu b’mod sabiħ fir-ritratti tiegħu.

Madankollu, ma nistgħux, ma nsemmux lill-fotografi Maltin, li għamlu jew qed jagħmlu isem f’Malta u lil hinn minnha. Xi wħud jinkludu Richard Ellis, fotografu Ingliż-Malti li kien wieħed mill-pijunieri tal-fotografija f’Malta matul l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tal-20. Fotografu ieħor huwa Darren Zammit Lupi li fl-2017 rebaħ żewġ premjijiet f’The Societies of Photographers Awards f’Londra.

Żagħżugħ Malti li qed jistudja l-Mcast u li xogħlu deher fit-toroq Maltin huwa Nathan Camilleri. Fil-fatt ir-ritratti tiegħu jsebbħu l-bypass tal-Ħamrun-Marsa.

Ir-ritratti għandhom rwol importanti fil-ħajja ta’ kulħadd –jgħaqqduna mal-passat tagħna, ifakkruna fin-nies, postijiet, sentimenti u stejjer. Mela intom li qed taqraw dan l-artiklu komplu ħudu r-ritratti, għax hija waħda mill-isbaħ affarijiet li wieħed jista’ jagħmel.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks