Dr Veronica Bartolo fuq filmat imtella’ minn Doctors for Life tispjega li l-frażi “Ġismi tiegħi, l-għażla tiegħi’ tintuża l-iktar meta n-nies jitkellmu fuq l-abort; li persuna għandha tagħmel li trid b’ġisimha. Tispjega kif din il-frażi bdiet tintuża wara snin twal ta’ diskriminazzjoni u oppressjoni fil-konfront tan-nisa f’soċjetajiet iddominati mill-irġiel. Tistqarr li sa ċertu punt, din il-frażi tifhimha u hija neċessarja u ġusta.
Tkompli tgħid li imma mbagħad hemm punt li ma jistax jinqabeż. Dan meta persuna minflok tiġġieled għal dak li huwa tajjeb, tiġġieled għad-drittijiet taghha. Iżżid tgħid li l-għażliet vjolenti mhumiex xierqa.
Ittemm il-filmat billi tgħid li għal dawn l-aħħar 9 xhur, it-tifla tagħha kibret fiha u qed tgħix fiha. Ġewwa fiha, qalb it-tarbija qed tħabbat u ma għandhiex dritt li twaqqaf din il-qalb tat-tarbija tagħha, ħajjitha mhijiex tagħha biex tiddeċiedi li twaqqafhielha u ġisimha wkoll mhuwiex tagħha biex tagħżel x’tagħmel bih.
