Niżel minn ġol-karozza, għolla l-barnuża għal fuq rasu, ta daqqa t’għajn lejn il-madwar u ħa nifs twil. Għal mument kien se jieqaf dritt bilwieqfa jassorbi l-ħsibijiet sarkastiċi li kienu għaddejjin minn ġo moħħu.
Dak il-ħin għaddew grupp żgħażagħ eżatt minn warajh. Ma darx iħares lejhom. Lanqas indenja ruħu jara kemm kienu jew ġietu kurżità jiflihom.
Ma ried lil ħadd jarah.
Ma ried ikellem lil ħadd u ma kellu aptit ħadd.
Oħroġ il-għaġeb, kien qed iħossu eċċitat.
Mhux għax kellu għaliex.
Hu kien imdorri. U mela, kien imdorri sew.
“Għaliex qed tħossok eċċitat?” seta’ kważi jisma’ leħen Moira jħanbaq miegħu qrib widnejh.
Kieku ratu dak il-ħin! Kieku ratu! Minjaf x’ċamata kienet tagħtih! Kieku kienu jkunu jafu x’kien se jagħmel! Minjaf kemm kienu jgħajruh!
Imma issa kien iddeċieda.
U la ħa deċiżjoni, kien beħsiebu jwettaqha! Jgħidu x’jgħidu!
Il-problema kienet li din il-prova kien iddeċieda li jagħmilha wara li kienu bagħtulu l-kontijiet id-dar. Wara li kien ra kemm kien sejjer ħażin finanzjarjament. Mhux għax ma kienx jaqla’ flus. Il-problema kienet li tant kemm kien jgħix ħajja lussuża, tant kien iħallas flus bl-addoċċ fi tfajliet, ħruġ sfrenat, ikliet lussużi fl-aqwa postijiet u xiri bla ebda pjan, li malli kienu tawh l-aħħar kontijiet, kien induna li kien qabad triq ‘l isfel. Triq lejn il-qiegħ……
U malli kien ra dan l-avviż fuq il-gazzetta, kien iddeċieda li din setgħet tkun is-soluzzjoni għal problemi li kellu.
Tbissem waħdu, żamm rasu baxxuta ‘l isfel, donnu kien qed jistħi minn dak li kien se jagħmel, għolliha darba waħda ta’ malajr kemm aċċerta ruħu li kien quddiem il-bini indikat fil-gazzetta, reġa’ baxxiha malajr u ħaffef kemm seta’ lejn il-bieb.
Il-bieb kien miftuħ beraħ. Man-naħa ta’ barra biswitu, kien hemm tabellun fejn fuqu kien hemm indikat id-data tal-lum, il-ħin u li kienet se ssir prova importanti ħafna.
Daħal.
Ir-riħa t’hemm ġew kienet waħda familjari. Qisha kienet imħallta bejn dik ta’ kartun u żebgħa.
U kien hemm geġwiġija ta’ nies.
Sala mdaqqsa.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks