Fil-Qorti nstemgħet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-Kappillan ta’ Marsaxlokk. Huwa jinsab akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus.
Ix-xhieda huma s-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, rappreżentanti tal-banek u anke nies ċivili li taw flus.
Il-Parruċċan, Michael Azzopardi stqarr li ta lill-Kappillan li kellu fiduċja fih €2,000 biex jużahom għall-knisja. Sidt ta’ restorant, Nazzarena Schiavone, stqarret li ma’ ħutha tatu €1,200 biex jirranġa t-twieqi tal-knisja u dawn saru.
Waqt il-kumpilazzjoni l-Kappillan nstema’ jgħid “ħajti spiċċat”.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross qal li mhux f’pożizzjoni jgħid jekk il-Kappillan bediex proġetti bla permess mill-Kurja.
Il-Kappillan issellef €10,000 biex xtara karozza u għandu dejn fuq garaxx f’Raħal Ġdid. Huwa kien ingħata permess jissellef €10,000 biex jixtri karozza fl-2016 li ħallasha u fl-2021 ingħata permess jissellef biex jixtri garaxx f’Raħal Ġdid .
Ir-rappreżentant tal-bank tal-Knisja, l-APS Bank, qal li l-Kappillan għandu żewġ kontijiet magħhom. Rappreżentant tal-HSBC Bank ippreżenta kaxxa b’dokumenti dwar il-kontijiet bankarji tal-Kappillan. Ir-rappreżentant tal-BOV ippreżenta informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tal-Kappillan.
Il-kuntrattur Darren Desira qal li huwa ta żewġ donazzjonijiet lill-Kappillan qabel il-Covid u li qatt ma talbu rċevuti imma tah ċekk personalment. Wieħed kien ta’ €1,800 u l-ieħor ta’ €1,400 u l-Kappillan sostna li huwa ma staqsiehx x’kien se jagħmel bihom għax kellu fiduċja fih.
Is-sajjied Michael Carabott, ta lill-Kappillan €300 għal bżonnijiet tiegħu, biex jagħmel li jrid bihom. Ta wkoll it-tieni donazzjoni għal bżonnijiet li seta’ kellu. Filwaqt li ma jiftakarx jekk ingħatax irċevuta, qal li ma jafdax lill-Kurja imma jafda lill-Kappillan.
Emanuel Farrugia li kien sajjied qal li jafda lill-Kappillan 200%. Huwa kkonferma li ta ċekk ta’ €1,000 imma ma jiftakarx jekk ingħatax irċevuta u ma saqsiex fejn marru dawn il-flus.
Antonia Caruana, pensjonata ilha taf lill-Kappillan minn meta kien żgħir. Hi tat 3 ċekkijiet ta €1,000-il wieħed bħala donazzjoni lill-knisja. Hija ma ratx il-bżonn li tara kif dawn il-flus intużaw. Hija kienet kuntenta u komda bil-Kappillan jamministra dawn il-flus.
Pauline Bugeja, pensjonata mir-Rabat, tat ċekk ta’ €1, 435. Flus li ġew mill-kotba tat-tagħlim u li l-Kappillan kien xtara.
Daniel Zerafa, ateau, tah ċekk ta’ €600 bħala għajnuna personali u għax-xogħol li jagħmel għall-komunità ta’ Marsaxlokk. Huwa stqarr li ma talabx irċevuta. Huwa stqarr li tah il-flus għax hu, hu u kieku kien jaf li mqar ċenteżmu se jmur għall-Knisja ma kienx jagħti donazzjoni.
Francis Mifsud, pensjonant, ta €1,000 bħala tweġiba għall-appelli li kienu jsiru. Huwa qatt ma ċċekkja kif id-donazzjoni tiegħu kienet qed tintuża. Huwa ra x-xogħol qed isir fil-knisja b’għajnejh.
Renata Pace, pensjonata, taw donazzjoni għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej.
Cedric Baldacchino, minn Marsaxlokk, tah €500 għal bżonnijiet tiegħu.
Josianne Cascun, ħabiba, tatu madwar €700 imma huwa qatt ma talaba flus. Hi tatu l-flus meta kien jiġi jiċċelebra avvenimenti tal-familja.
Marlene Camilleri, parruċċana tatu €120 fis-sena biex jgħin, bħala sapport u kuraġġ biex jibqa’ għaddej.
Alexander Bugeja, pensjonat, kien jagħti €10 kull xahar għall-manutenzjoni tal-knisja. Kien jagħtihom lill-uffiċċju tal-parroċċa u kien jiġbor l-irċevuta mis-segretarja. L-irċevuti ma żammhomx.
Silvana Buttigieg, tat €180 għall-Kappillan minħabba li kien marid u €350 għall-bżonnijiet tal-knisja.
Il-Kappillan inħeles mill-arrest.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.

Gradwata b’B.A fil-Malti u b’ċertifikat fil-qari tal-provi.
Ilha ‘l fuq minn 5 snin taħdem bħala producer u kittieba ma’ WE Media LTD. Kienet ukoll maniġer u producer tal-iktar programm segwit f’Malta Xarabank.
Qabel kienet ġurnalista u xandara ma’ Newsbook.com.mt u Bay Radio.
Il-passatempi tagħha huma l-qari u n-Netflix.