Min mehdi bilqiegħda jpaċpaċ. Min donnu fl-oblivju ta’ kollox, jiċċassa jħares ‘il quddiem. Min iħares lejn il-ħajt. Min jitkellem waħdu. Min jistenna bil-paċenzja. U oħrajn jiflu lil xulxin.
Ħaġa waħda kellhom li kienet komuni. Kienu jidhru kważi kollha kemm huma l-istess.
Wiċċ wieħed f’verżjonijiet differenti.
Ix-xagħar ta’ kollha kemm huma mimxut lura, kemmxejn twil, naqra leħja twila tagħti lejn il-kannella. Għajnejn kannella. Xufftejn mimlija.
Kollha kienu lebsin l-istess ukoll.
Eżatt kif kellhom indikat fil-gazzetta.
Qalziet iswed. Ġakketta sewda. Ingravata. Qmis bajda.
Hekk suppost kellhom jilbsu.
Sala waħda mimlija b’karattri kollha differenti, kważi jidhru kollha l-istess.
Kien hemm geġwiġija ta’ ilħna li għal ftit ma kinux qegħdin jagħmlulu rasu tibda ttektek.
U f’dak il-mument, neża’ l-ġakketta bil-barnuża b’kollox u ġie huwa wkoll beda jidher bħalhom eżatt. Resaq lejn siġġu fil-ġenb tas-sala u poġġa l-ġakketta hemmhekk, iħoss l-eċċitament jiżdied.
Kellu bżonnha din il-parti.
U kien kważi ċert li kien se jeħodha.
“Sinjuri, grazzi ħafna talli ġejtu kollha llum……” instema’ leħen għoli mill-ġenb tas-sala.
F’daqqa waħda, it-tgedwid u l-istorbju ta’ ħsejjes li ftit qabel kienu jiddominaw il-kamra, waqfu zobtu.
Dawk kollha li kienu qegħdin hemm daru jħarsu lejn dan ir-raġel u xi erba’ oħra li kienu tfaċċaw minn ġo xi bieb minnhom mingħajr ħadd ma kien induna.
“Suppost kollha kemm intom ingħatajtu numru malli dħaltu. Se narawkom wieħed, wieħed fis-sala ta’ maġenb din. Jekk jogħġobkom, stennew it-turn tagħkom,” bdiet tgħidilhom tfajla li x’aktarx kienet fuq l-għoxrinijiet u kienet qiegħda biswit l-ewwel raġel li kien tkellem. “Kif tafu kollha kemm intom, dan se jkun film tassew prestiġġjuż. Dan se jkun kapulavur. Id-direttur tiegħu huwa Adam Brown, persuna tassew intiża fl-industrija tal-aqwa films madwar id-dinja. U kif tafu wkoll John Pearson huwa stilla magħrufa madwar id-dinja kollha.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks