Il-ħanut ta’ Caruana & Sons tal-Belt, magħruf aktar bħala Caruana tal-fajjenza se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu darba għal dejjem proprju din il-ġimgħa.

Dan ġie żvelat fuq il-paġna The People of Malta.

Apparentament, kif ġie spjegat, ir-raġuni hija li l-ħanut kien qed jinżamm b’kirja u s-sid irid il-binja lura. Għaldaqstant din se tkun l-aħħar ġimgħa li l-ħanut, li huwa l-aħħar wieħed li kien fadal ta’ dan it-tip fil-Belt Valletta u li tant iġib nostalġija, se jiftaħ.

Josef Caruana, li għandu 82 sena, jirrakkonta kif hu u ħutu kienu xtraw in-negozju mingħand il-papà tagħhom, Nikol Caruana.

Iżda oriġinarjament, il-ħanut ma kienx kif ħafna jafuh illum għaliex Nikol Caruana kien beda b’ħanut tal-ħelu bl-isem ta’ Johnny’s Bar.

Kien proprju 85 sena ilu, ftit qabel il-gwerra, li fetaħ il-ħanut fil-post preżenti, fejn beda bħala mastrudaxxa.

Josef Caruana, li għandu 82, baqa’ jmur għax-xogħol sal-ġurnata tal-lum, flimkien mat-tfal ta’ ħutu, u jistqarr li f’69 sena li ilu jaħdem fil-ħanut, qatt ma jaf li mar għax-xogħol bid-dwejjaq.

Jirrakkonta kir wara d-diżgrazzja li għaddew minnha fl-1971, fejn in-negozju kien inqered għal kollox minħabba li qabdilhom in-nar li dam jaqbad għal 3 ijiem, kellhom jerġgħu jibdew mill-ġdid.

“Jekk taqta’ qalbek fil-ħajja ma tagħmel xejn.”

Josef Caruana

Għal xi żmien minn meta bdew in-negozju mill-ġdid, kienu komplew bl-għamara, iżda mbagħad bdew jaqilbu għall-affarijiet tad-dar.

Josef ikompli jirrakkonta kif San Ġorġ Preca kien iżur il-ħanut fejn ilhom jaħdmu dawn is-snin kollha.

“Għax fil-parti ta’ fuq tal-binja hawn kamra kbira u missieri kien jistieden lil San Ġorġ Preca biex fiha jagħmel il-laqgħat. Għandi ħafna memorji u rakkonti minn dak iż-żmien. Niftakar lil missieri jixtri landa toffee minn faċċata, Dun Ġorġ iberikha u wara titqassam lil dawk prezenti.”

Josef Caruana

B’sodisfazzjon, Josef jistqarr li mhuwiex iddispjaċut li n-negozju tagħhom se jispiċċa hawn għaliex għamel dak kollu li seta’.

“Għamilt dak kollu li stajt. Mhux iddispjaċut li se nispiċċaw hawn. Dan in-negozju tani ħafna sodisfazzjon. Tipprova toħroġ lill-klijent kuntent. Kollox jissolva. Tfittex li taqdi u tagħti servizz tajjeb. Kont naħdem ma’ ħafna aġenti. Jekk klijent jiġi għal xi oġġett u ma jsibux, kont nara kif infittex u naqduh. Nixtiequ nirringrazzjaw lis-simpatiċi klijenti tagħna. God bless you all.”

Josef Caruana

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks