Matul din il-ġimgħa fost il-festi li qed jiġu ċċelebrati madwar Malta, insibu l-festa ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fiż-Żurrieq.
Fil-fatt, nhar il-Ħadd li għadda mijiet ta’ Żrieraq ħonqu z-zuntier tal-knisja għall-ħruġ tal-istatwa ta’ Santa Katarina minn ġon-niċċa. Fost iċ-ċapċip tal-folla, kulur aħmar iddominati u daqq tal-banda, instemgħet il-kaxxa tal-logħob tan-nar.
Santa Katerina kienet ta’ nisel irjali ta’ Lixandra, kienet studjuża ħafna, u kienet sarret taf dwar Alla permezz tal-Iskrittura ‘Vade Mecum’. L-ewwel lejl wara l-magħmudija kellha viżjoni, fejn saret għarusa mistika ta’ Ġesù quddiem il-Madonna.
Fil-persekuzzjoni ta’ Massiminu, Imperatur ta’ Lixandra, Katerina, ta’ 18, marret iċċanfru għall-moħqrija tiegħu. L-imperatur ma kellux il-ħila jweġibha, u sejjaħ 50 għaref biex iweġbuha. Dawn ikkonvinċew ruħhom bl-argumenti tagħha u l-imperatur inkurlat, ħaraqhom għax saru Nsara. Minħabba li hija ħarġet rebbieħa, Massiminu sawwatha u qafilha ġo ħabs. Dan wasal biex tiġi maqtula b’rota mdawra bl-imsiemer.
Meta ġew biex joqtluha, il-ktajjen tagħha nħallu u r-rota nkisret, waqt li l-imsiemer taru fl-arja u qatlu xi wħud li kienu preżenti. Fl-aħħar lil din il-qaddisa qatgħulha rasha.
Kienu l-monaċi li ġarrew il-ġisem tagħha fil-knisja li l-Imperatur Ġustinjanu kien bena ad unur tagħha, u minn dak iż-żmien il-monasteru beda jissejjaħ ta’ Santa Katerina.
Santa Katarina ta’ Lixandra, verġni u martri, kienet fost l-aktar qaddisin nisa meqjuma tal-Ingilterra medjevali. Hija l-qaddisa patruna ta’ tfajliet, studenti, filosfi u nies tas-sengħa li jaħdmu bir-roti.
Kontu tafu li l-festa liturġika ta’ Santa Katarina tiġi ċċelebrata fil-25 ta’ Novembru, xahar biss qabel il-Milied.
Fost in-nies popolari li jiċċelebraw din il-festa insibu lil kantant Mark Tonna u l-kantanta u preżentatriċi Marisa Damato.
Minn hawn nixtiequ nawguraw il-festa t-tajba liż-Żrieraq, kif ukoll lil dawk li ser jiċċelebraw xi festa fir-raħal tagħhom.
