25 sena ilu, id-dinja kienet ixxukkjat ruħha bl-aħbar tal-mewt tal-Prinċipessa Lady Diana, fl-età tenera ta’ 36 sena.

Lady D, omm ta’ żewġ t’itfal, inqatlet fil-31 ta’ Awwissu 1997, meta l-limousine li kienet qed iġorr lilha u l-maħbub tagħha Dodi al-Fayed baqgħet dieħla fil-mina ta’ Pont de L’Alma f’Pariġi hekk kif kienet qed taħrab mill-paparazzi, li kienu fuq il-muturi jeħdulha r-ritratti.

Il-mewt tagħha tefgħet lill-monarkija Ingliża fi kriżi.

Miljuni madwar id-dinja bkewha u għadhom jibkuha sal-lum minħabba li hija kienet il-“Prinċipessa tal-poplu”. Kienet magħrufa sew għall-kompassjoni, il-kariżma, il- bżulija u x-xogħol ta’ karità li hija kienet twettaq. Fil-fatt Diana żviluppat interess qawwi fil-mard serju u kwistjonijiet relatati mas-saħħa barra mill-ambitu tal-involviment rjali tradizzjonali, inklużi l-AIDS u l-lebbra.

Barra minn hekk hija kienet ikona fl-istil li kienet tilbes. Fil-fatt kienet meqjusa fotoġenika u kienet influwenti fil-qasam tal-moda fis-snin tmenin u disgħin.

Tant kemm ħalliet impatt kbir, li saru diversi produzzjonijiet dwarha fosthom ‘Spencer’, film dwar it-tmiem taż-żwieġ tagħha mal-Prinċep Charles; id-dokumentarju ‘The Princess’; u d-drama fuq Netflix bl-isem “The Crown” fejn l-aħħar staġun iffoka fuq Lady Diana.

Wieħed ma jistax jinsa jsemmi d-diversi pubblikazzjonijiet li nkitbu dwarha wkoll.

“Kuljum, nixtiequ li tkun għadha magħna,” qal il-Prinċep William meta ż-żewġt aħwa kixfu statwa f’ġieħha s-sena l-oħra fil-Palazz ta’ Kensington fiċ-ċentru ta’ Londra, li kienet id-dar tagħha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks