Quddiem Maġistrat bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar rejd li l-Pulizija wettqet f’dar fil-Belt u remissa fil-Marsa fejn instabet droga.

Tessqu fil-Qorti mara ta’ 31 sena u raġel ta’ 31 sena, li jgħixu fl-istess dar fil-Belt, u raġel ta’ 50 sena li għandu remissa fil-Marsa.

Huma ġew mixlija li fornew jew offrew li jfornu d-droga kokaina u eroina; li biegħu l-pjanta kannabis u d-droga sintetika u akkużati wkoll b’ħasil tal-flus.

Kien fl-aħħar xhur li l-Pulizija daħlitilha informazzjoni li f’dar fil-Belt kienet qed issir attività ta’ traffikar tad-droga u użura. Meta marru l-Pulizija, sabu żewġ safes li fihom kien hemm ammont kbir  ta’ deheb u flus kontanti.  Kien arrestat ukoll raġel li għandu remissa l-Marsa.

Huwa ammetta li kien qed jieħu d-droga mingħand l-imputati u jbigħha.

Il-Pulizija fid-dar tal-Belt sabu tifel ta’ 7 snin li rawh jipprova jitfa’ d-droga fir-rokna ta’ kamra. Il-pulizija sejħu l-Aġenzija Appoġġ.

Waqt il-kumpliazzjoni, il-mara bdiet tidħak il-ħin kollu u l-Maġistrat qaltilha li dawn mhux affarijiet tad-daħk, li jekk tkompli tidħak se taqfilha u l-proċeduri jkomplu mingħajrha.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fl-14 ta’ Settembru.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks