Select Page

Ma nistgħux, ma niffaċċjawx ir-realtà! Aktar ma jgħaddu l-ġranet, il-faqar qed jiżdied b’rata mgħaġla kemm madwar id-dinja kif ukoll fuq il-gżira żgħira tagħna. Żgur li f’ħajjitna rajna, smajna u missejna l-faqar b’idejna.

Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet, partikolarment tal-ikel, qed toħloq problema kbira madwar id-dinja, speċjalment fl-Ewropa.

Ir-raġunijiet li wasslu għal din il-kriżi huma diversi iżda ż-żewġ raġunijiet ewlenin huma l-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li issa ilha għaddejja għal 6 xhur sħaħ.

Esperti jwissu li jekk ma jittiħdux l-azzjonijiet neċessarji din il-problema tista’ teskala għal kriżi dinjija ferm akbar, speċjalment għal dawk li diġà jgħixu fil-faqar.

Għalhekk irridu nagħmlu xi ħaġa!

Il-faqar huwa li ma jkollokx biżżejjed flus biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi inklużi l-ikel, il-ħwejjeġ u l-kenn. Madankollu, il-faqar huwa ferm aktar milli sempliċement ma jkollokx biżżejjed flus. L-Organizzazzjoni tal-Bank Dinji tiddeskrivi l-faqar b’dan il-mod: “Il-faqar huwa ġuħ!”

Fost dan kollu, tqum ukoll il-kontroversja li ħafna jsostnu li sidien ta’ negozji jagħżlu li japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni u jgħollu l-prezzijiet aktar milli huwa meħtieġ.

Imma l-gvern qiegħed jagħmel biżżejjed? In-nies huma konxji biżżejjed ta’ dak li qed iseħħ madwarna? irridu nadattaw għal stil ta’ ħajja ġdida b’aktar sagrifiċċji?

Dik l-omm li tikkumbatti kuljum biex tara kif se titma’ liż-żewġ uliedha hija reali!

Madwar id-dinja, kif ukoll f’Malta insibu postijiet li jgħinu lil dawk fil-bżonn. Dawn jissejħu ‘Foodbanks’ – organizzazzjonijiet tal-karità mingħajr skop ta’ qligħ, li jqassmu l-ikel lil dawk li għandhom diffikultà biex jixtru biżżejjed biex jevitaw il-ġuħ.

Tkun idea interessanti li banek tal-ikel bħal dawn jiftħu fuq skala iżgħar f’kull lokalità. B’hekk tkun iktar faċli li tagħti l-ikel u min ikun fil-bżonn jista’ jintlaħaq aktar malajr.

Aħna magħrufa sew għall-ġenerożità tagħna allura ejjew inkomplu naħdmu biex in-nies kollha t’hemm barra ma jorqdux fuq stonku vojt. Ejjew nibdew nippromwovu l-ħtieġa tal-‘foodbanks’ fuq skala iżgħar
f’kull lokalità. Ejjew nagħmlu l-parti tagħna!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks