Select Page

Nitkellmu ma’ Clayton Pace

Clayton, nistgħu ngħidu li issa int wieħed mill-atturi stabbiliti f’pajjiżna. Ħafna jafuk bħala attur, iżda lil hinn mid-dinja tar-reċtar. Min hu Clayton Pace?

Ħajti ddur ħafna mad-drama, veru, anki għall-fatt li d-drama hi x-xogħol tiegħi. Però lil hinn mid-drama jien persuna li dejjem infittex xi ħaġa ġdida fil-ħajja. Ir-rutina tal-ħajja ddejjaqni, b’hekk nipprova dejjem nagħmel xi ħaġa differenti. Jien sapporter kbir tat-tim tal-Inter, fejn fil-passat kont anki segretarju ta’ wieħed mill-klabbs Maltin tal-Inter. Iżżewwiġt f’April li għadda lill-mara Lenies u għandna tifel jismu Noah… il mimmi t’għajnejna!

Kif bdiet il-passjoni tiegħek għad-drama?

Jien nemmen li attur jitwieled mhux isir. Niftakarni meta kont żgħir fi żmien l-iskola, kont inkun aktar kuntent meta jkollna xi play ġejja u jien kien ikolli parti, milli meta ngħaddi mill-eżamijiet! Bħala karattru ma niftakarx wisq, dak iż-żmien kien ikollna bosta plays teatrali, kemm l-iskola kif ukoll il-mużew. Però għalkemm ilni nirreċta mindu kont tifel, kien il-karattru fis-serje Katrina li tani l-ispinta ‘l quddiem.

Liema mill-karattri li ħdimt s’issa kienu l-iktar ta’ sfida u tħoss li għenuk tikber bħala attur?

Kull karattru fih tiegħu, però naħseb l-akbar sfida li kelli kien Sorelle, fejn kelli ninterpreta żewġ karattri differenti fl-istess serje. Għamilt żmien twil nipprattika biex inkun nista’ noffri żewġ karattri diversi lit-telespettauri.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tiegħek bħala kittieb u produttur tad-drama?

Bla dubju ta’ xejn il-film taċ-ċinema id-destin kien il-highlight tal-karriera tiegħi s’issa. Però x-xewqa tiegħi hi dik li xi darba nikteb serje għal fuq it-televiżjoni.

Teatru jew televiżjoni? U għaliex?

Ikolli bilfors nagħżel it-televiżjoni. Sfortunatament ħajti hija ġlieda kontra l-ħin, u t-teatru jeħodlok ħafna ħin. B’hekk kelli nelimina t-teatru minn ħajti. Għallinqas ejja ngħidu għalissa.

X’inhuma l-akbar sfidi li wieħed jiffaċċja f’dan il-qasam? U x’sodisfazzjon jagħtik lilek personali?

L-akbar sfida bla dubju ta’ xejn huma l-pagamenti. Il-ħlas li nieħdu bħala atturi hu tad-daħq. Jien biex inkun nista’ naħdem fuq drama biss, ikolli nagħmel ħafna aktar xogħol. Minn kitba, nipproduċi, nirreċta, nieħu ħsieb l-iskola u ħafna affarijiet oħrajn. Sfortunatament m’għandniex dak iċ-ċans li niffukaw fuq oġġett wieħed biss u dak ikun xogħolna. Naħseb dik hija l-ħaġa li titfagħna lura milli ntellgħu xogħol professjonali bħal ma jtellgħu ċerti produzzjonijiet barranin.

F’Settembru se tkun wieħed mill-protagonisti prinċipali fis-serje ġdida bl-isem ta’ Iċ-Ċavetta ta’ Pandora. X’tista’ tgħidilna fuq din is-serje u l-karattru li se tkun qed tinterpreta?

Iċ-Ċavetta ta’ Pandora se jkun differenti ħafna minn dak li mdorrijin naraw. Din is-serje se tkompli mal-programm li kienet tagħmel Ruth Frendo snin ilu bl-isem ta’ Pandora… Però din id-darba se jkompli bhala drama. Nixtieq ngħid ħafna affarijiet fuqu għax ninsab eċitat immens dwar dan il-proġett, però ninsab marbut għax għadu ma ħareġ xejn pubblikament s’issa apparti żewġ ritratti u intervista qasira ta’ Ruth Frendo.

Il-familja, xi tfisser għalik u xi rwol għandha f’dak kollu li jirnexxilek twettaq fil-karriera tiegħek?

Il-familja tiegħi hi kollox għalija. Kien hemm żmien mhux il-bogħod bdejt anki naħseb biex nibdel il-karriera tiegħi sabiex ikolli aktar ħin mal-familja. Però minflok għamilt hekk, sibt bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. Li nista’ ngħid hu li nħossni xxurtjat ta’ barra minn hawn bis-sapport li ttini l-mara Lenies. Ħafna offerti li jkolli tkun hi li ttimbutani biex neħodhom ġieli. Jiġifieri qiegħed fejn qiegħed anki bis-saħħa tagħha.

Liema kisbiet tħossok l-iktar kburi bihom?

Naħseb Id-Destin kien u għadu l-baby tiegħi fejn tidħol drama. Film li ktibt u pproduċejt jien stess. Minn ħolma tat-tfulija għal film fiċ-ċinema Maltija fejn wasal ukoll biex ġie nnominat bħala wieħed mil-aqwa 5 films li kellna f’pajjiżna skont il-Malta Films Awards li saru f’Jannar li għadda.

X’kienet l-akbar lezzjoni li tgħallimt f’ħajtek?

Li temmen fik innifsek. Meta kont iżgħar kelli s-self esteem tiegħi il-veru baxx. Kont inħossni li mhu se nasal imkien. Speċjalment fl-iskola fejn ma kontx wieħed mit-tajbin. Però ġrat xi ħaġa f’ħajti li ġegħlitni nagħti l-100 fil 100 tiegħi. Sal-lum irnexxieli nasal s’hawn. Imkien speċjali, però tajjeb biżżejjed biex ngħix kuntent fil-ħajja li xtaqt.

Kieku kellek tinterpreta karattru f’xi film klassiku, liem ikun? U għaliex?

Naħseb il-parti ta’ Al Pacino f’GodFather. Jogħġbuni ħafna l-films tal-mafia, u Godfather hu wieħed mill-favoriti tiegħi.

Temmen fid-destin, jew taħseb li dak kollu li jiġri huwa riżultat tad-deċiżjonijiet u l-għażliet tagħna?

Din hija xi ħaġa li tħawwadni ħafna. Irrid nemmen li d-deċiżjonijiet nagħmluhom aħna. Imma ġieli jiġru affarijiet li qishom ikunu ppjanati…fejn jaslu għandek fil-mument li l-aktar ikollok bżonnhom. Min-naħa l-oħra nerġa’ nispiċċa kif bdejt, irrid nemmen li d-deċiżjonijiet nagħmluhom aħna.

Għal xiex tħossok l-aktar grat f’ħajtek?

Il-familja li għandi. Kulħadd għandu l-personalità tiegħu. Naħseb li l-aktar ħaġa diffiċli hu li ssib persuna li jkun jifhmek u jkun viċin ta’ dak li tkun tħobb. Jien irnexxieli nsib mara fotokopja tiegħi… milli jidher mhux se nikbru qatt! Għax il-praspar inħobbuhom wisq. Nispera li t-tifel jitla’ bħalna wkoll!

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Faċli u importanti. KUNTENTIZZA.

Clayton, bi pjaċir niżvelaw li se tkun qed tingħaqad mat-tim ta’ skoperta.net u mill-ġimgħa d-dieħla se tkun qed twassal lis-segwaċi intervista kull ġimgħa. X’inhu l-messaġġ tiegħek għas-segwaċi ta’ skoperta.net? U tagħtina xi ħjiel żgħir fuq il-personalità li se niskopru aktar dwarha nhar il-Ġimgħa?

Iva, ninsab ħerqan ħafna biex nibdew noħorġu x-xogħol li ħdimt fuqu għalikom is-segwaċi ta’ Skoperta. Dejjem kont nammira x-xogħol li jsir fiha, u li issa se nkun anki jien parti mit-tim jagħtini emozzjoni ta’ ferħ. L-ewwel personalità hija attriċi ġdida però bravissima. Din l-aħħar sena daħlet f’ħafna djar għax kienet il-parti prinċipali fuq serje li qed jixxandar fuq Net Television. Attriċi li tagħmilni ferm kburi biha… Din l-attriċi ilha tattendi l-iskola tiegħi Mixta Drama minn mindu kellha madwar 11-il sena biss!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks