Select Page

Martina li meta kellha 3 snin ommha mardet bil-kanċer.

11-il sena wara tmut u xahrejn wara l-mewt ta’ ommha lil Martina jaqbadha kanċer f’rasha.

Wara battalja kiefra Martina tfiq mill-kanċer.

Fuq post fuq Facebook kitbet kif “Bħal-lum għaxar snin illum ħadt l-aħħar chemo. Stajt nara xaqq ta’ dawl. Imma rrid nammetti li jekk dak iż-żmien xi ħadd kien isaqsi kif narani 10 snin, kont ngħidlu lanqas naf. Anke jekk xi ħadd isaqsi l-istess mistoqsija llum, ngħidlu l-istess għax ma tantx inħobb naħseb fuq il-futur.”

Iżżid tgħid, “Għaxar snin ilu llum lanqas kont noħlom fuq fejn wasalt illum. Lanqas kont mimmaġina dak kollu li kelli ngħaddi minnu matul is-snin. Ma kontx nemmen li sa nasal s’hawn. Lanqas kont naħseb li se nikseb degree u masters. Kull ma xtaqt li nsalva u li jgħaddi l-perjodu ta’ remissjoni. Kont mgħobbija wisq b’affarijiet dak iż-żmien.”

Tistqarr, “Uħud mnejn jiġġudikaw dan il-post. Oħrajn mnejn jixtiquli l-ġid. Imma li nixtieq hu li l-istigma lejn tfal u ż-żgħażagħ tispiċċa. Forsi tafu li dan ix-xahar ta’ Settembru huwa ddedikat għall-għarfien fuq il-kanċer tat-tfal u ż-żgħażagħ. Ejjew nissapportjaw lil dawn il-pazjenti u l-qraba tagħhom. Mhuwiex vjaġġ faċli. Ħafna jaħsbu li meta pazjent jispiċċa t-trattament, ħajtu terġa’ lura għan-normal. Iva l-pazjenti jipprovaw dak kollu li jistgħu biex jirritornaw għal ħajja ta’ kuljum. Però hemm side effects li jistgħu jiżviluppaw snin wara, jew jistgħu jesperjenzaw iżolament soċjali minħabba li jkunu għamlu tul ta’ żmien twil l-isptar u jitilfu l-ħbieb u/jew iħossuhom maturi iktar mill-età li għandhom.”

Ittemm tgħid, “Lil kull min qed jaffaċċja l-battalja, TAQTGĦU QALBKOM QATT. Hemm ħajja wara l-kanċer. Jekk ħabbejt lilek innifsek qabel imradt, tibżax tħobb lilek innifsek wara. Forsi tħoss li l-futur tiegħek intemm u mhux se tikseb il-ħolm li ħlomt meta kont żgħir. Tħallix il-kanċer jiddefinixxi lilek jew il-futur tiegħek. Forsi trid taħdem iżjed biex tikseb il-ħolm tiegħek, imma dan ma jfissirx li huwa impossibbli.”

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks