Select Page

Illum il-Papa Franġisku pproklama lill-Papa Luciani beatu. Eluf ta’ nies ħonqu l-pjazza ta’ San Pietru, fejn il-qofol intlaħaq meta Bergoglio ppronunzja l-formula tal-beatifikazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu I.

Dan kien segwit b’ħafna ċapċip u sens ta’ ċelebrazzjoni li baqa’ sejjer sakemm inkixfet it-tapizzerija bir-ritratt tal-Papa Luciani li sar fuq pittura tal-artist iperrealista Ċiniż Yan Zhang. Il-festa tal-Beatu l-ġdid ser tibda tiġi ċċelebrata fis-26 ta’ Awwissu, li jaħbat il-jum tal-elezzjoni ta’ 1978, fejn Ġwanni Pawlu I kien ġie elett Papa.

Il-Papa Ġwanni Pawlu I, jew kif inhu magħruf aħjar bħala l-Papa tat-tbissima, twieled nhar is-17 ta’ Ottubru 1912, u kien il-kap tal-Knisja Kattolika u sovran tal-Belt tal-Vatikan għal 33 jum biss.

Il-Papa Ġwanni Pawlu I

Huwa miet nhar it-28 ta’ Settembru 1978, probabbilment b’attakk tal-qalb. Ir-renju tiegħu huwa fost l-iqsar fl-istorja papali, li jfisser li f’s-sena waħda kien hemm tliet Papiet differenti. Fil-fatt is-suċċessur tiegħu kien il-Papa Ġwanni Pawlu II.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni għall-beatifikazzjoni tiegħu, il-Papa Franġisku nissel dawn il-kliem “Il-Beatu ġdid hekk għex: fil-ferħ tal-Vanġelu, mingħajr kompromess, iħobb sal-aħħar”. Huwa kompla billi qal li l-Papa Luciani “inkorpora l-faqar tad-dixxiplu, li mhux biss qed jinqala’ mill-beni materjali, imma fuq kollox jegħleb it-tentazzjoni li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ kollox u minflok fittex il-glorja tiegħu.”

Il-Papa Ġwanni Pawlu I mexa “fuq l-eżempju ta’ Ġesù, kien ragħaj ħelu u umli. Kien iqis lilu nnifsu bħala t-trab li Alla ddegna jikteb fuqu”. Bergoglio għamel referenza għall-Udjenza
Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 1978: “Il-Mulej irrakkomanda ħafna: kunu umli. Anke jekk għamiltu affarijiet kbar, għidu: aħna qaddejja żgħar. U bi tbissima l-Papa Luciani rnexxielu jittrasmetti t-tjubija tal-Mulej”.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks