Għalhekk iddeċidejna li nagħmlu film fuq il-ħajja tiegħu bil-permessi kollha meħtieġa mill-aġent tiegħu. L-aġent tiegħu qaltilna iva mill-ewwel u għalhekk aħna nħossuna tassew kburin li se nagħtu prodott daqshekk tajjeb. Kif tafu wieħed minnkom biss se jintagħżel għall-irwol ta’ John Pearson. Aktar milli kwalitajiet fir-reċtar, qegħdin infittxu persuna li tidher bħalu eżatt,” kompliet tgħidilhom, leħinha jidwi fis-sala, tagħmel enfasi fuq l-aħħar parti tas-sentenza. “Importanti ħafna li jkun eżatt bħalu……..” bdiet tinħall għal mument tiftakar f’kemm kienet tiffansjah, f’kemm kien jogħġobha dan l-imbierek John Pearson! U mhux lil kulħadd kien jogħġob! Kien l-aqwa stilla tal-mument! Kellu diski tal-ġenn!
Fis-sala kien hemm silenzju kbir.
Induna li kienu kollha kemm huma ħerqanin għal dan l-irwol.
Wara ftit, dawk in-nies li kienu tfaċċaw minn ġo xi bieb żgħir fil-ġenb reġgħu sparixxew mill-ġdid. Ftit wara, il-bieb iż-żgħir infetaħ għal ftit u bdew jiġu msejħa dawk li kien imisshom jidħlu ġewwa għall-prova.
Poġġa bilqiegħda fuq siġġu minnhom, ma jħares lejn ħadd.
U meta kien imissu hu, daħal b’wiċċu minn quddiem.
Rahom jifluh, iħarsu lejh bir-reqqa.
Għal mument kien se jitbissem. Iżda t-tensjoni li kellu fuqu kienet qiegħda ġġagħlu jħossu skomdu. Tawh karta b’xi sentenzi fuqha u beda jgħaddi l-kliem ħalli jisimgħu kif kien se jinterpretaha.
“Tajjeb,” qaltlu dik l-istess tfajla, li kienet qiegħda bilqiegħda quddiem skrivanija f’nofs is-sala. “Inti jismek Carl Gregory.” Anke ismu kien tahom ħażin ħalli ħadd ma jinduna li kien ġej hawn. Jekk kellu jieħu din il-parti, kien jgħidilhom ismu propja eżatt malli jintagħżel.
L-oħrajn kienu qegħdin bilqiegħda warajha, iniżżlu xi notamenti u jfesfsu f’widnejn xulxin.
“Tajjeb,” reġgħet irrepetiet. “Tista’ tmur lura fis-sala l-oħra sakemm inħabbru min ikun ħa l-parti.”
Għamlilha iva b’rasu u reġa’ mar lura fis-sala l-oħra.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks