Select Page

It-tim ta’ Skoperta għamel kuntatt ma’ Arnold Sciberras, Pest Control Consultant, dwar il-problema li aħna l-Maltin qed niffaċċjaw bil-bagħal taż-żunżan, jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala l-oriental hornets.

Arnold Sciberras qalilna li dawn it-tipi ta’ żnażan, huma speċi indiġeni għall-Mediterran, u li l-identifikazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ġiet irreġistrata fis-snin ħamsin.

Fis-snin tmenin dan il-bagħal taż-żunżan ġie estint tant li fir-Red Book Data ġie mniżżel li mhuwiex ta’ periklu. Però, b’xi mod wasal lura lejn il-gżejjer Maltin, x’aktarx permezz tal-merkanziji. Li nafu żgur hu li dawn iż-żnażan huma speċi problematiċi.

Sfortunatament dawn l-ispeċi orjentali jħobbu ħafna ż-żoni urbani, u għalhekk il-gżira tagħna hija perfetta għalihom, minħabba li Malta saret ġungla tal-konkos mimlija xquq, toqob, ventilaturi u pajpijiet tal-AC użati, fost oħrajn.

Għaldaqstant, din it-tip ta’ struttura hija ideali għal dawn l-ispeċi biex jibnu bejta ġewwa fiha. Il-fatt li aħna popolati żżejjed fuq din il-gżira ċkejkna tkompli żżid mal-problema.

Il-fatt li hawn kullimkien mimli żibel, sorsi ta’ proteini u ikel tal-qtates, li qed jaffettwa ukoll lill-qniefed fil-piż żejjed, qed jgħin fl-isplużjoni tal-hornets orjentali biex jespandu.

Sfortunatament, xi nies li mhumiex professjonali qed jippruvaw jaqbduhom, però dan huwa kollu għalxejn. Qabel kollox wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn it-tip ta’ żnażan huma perikolużi ħafna.

Wieħed għandu jfittex l-għajnuna ta’ professjonist. Professjonisti li jaħdmu f’dan it-tip ta’ qasam, l-ewwel li ma jagħmlu huwa li jippruvaw jeliminaw il-bejta. Ovvjament dik hija l-aktar ħaġa importanti! Però, jekk il-bejta ma tistax tinstab u l-hornets jgħaddu minn quddiem il-proprjetà tiegħek u qed joħolqulek problema, il-professjonisti għandhom nases speċjali biex jaqbduhom. Apparti dan, huma jbexxu s-siġar, biex ibiegħdu dawn l-ispeċi mis-siġar tal-proprjetà tiegħek.

Arnold Sciberras enfasizza l-fatt, li hu kontra dak li jagħmlu ċerti nies, li jpoġġu kolla fuq in-nases tal-ġrieden. Dan minħabba l-fatt li dawn it-tip ta’ nases jaqbdu kollox, inkluż speċi li huma ta’ benefiċċju bħal naħal u rettili. Dawn it-tip ta’ nases jikkontribwixxu wkoll biex iġibu iktar hornets, minħabba li jiġu attirati mill-ikel li jitħalla fuq il-kolla.

Idealment, in-nases għandhom ikunu professjonali u speċifiċi għal dawn it-tip ta’ ħtiġijiet, speċifiċi biżżejjed li jinqabdu l-hornets kollha u ma jinqabdux dawk ta’ benefiċċju. Ta’ min jgħid li l-hornets qed jeqirdu wkoll l-apikultura, it-trobbija tan-naħal għall-għasel, għax litteralment qed jeqirdu n-naħal.

Importanti li nerġgħu nenfasizzaw li dawn iż-żnażan huma territorjali jiġifieri jekk wieħed jersaq lejn il-bejta tagħhom, il-possibilità hija li jattakkaw. Jekk jiġri dan, jista’ jkun ta’ periklu għal saħħtek. Il-konsegwenzi jiddependu mill-età tal-persuna.

Għalhekk il-parir hu li żżomm ‘il bogħod u tfittex l-għajnuna ta’ professjonist!

It-tim ta’ Skoperta jixtieq jirringrazzja lil Arnold Sciberras għal dan it-tagħrif.

Għal aktar tagħrif, ċempel fuq 21436820/99887950 jew żur is-sit elettroniku minn hawnhekk.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks