Select Page

Agnes Gonxha Bojaxhiu twieldet nhar is-26 ta’ Awwissu tal-1910 għand familja Kattolika Albaniża fi Skopje, illum parti mill-Maċedonja.

Bħala tifla kienet involuta ħafna fl-attivitajiet tal-parroċċa, u ommha qaltilha ħafna stejjer ta’ missjunarji, li ispirawha ħafna. Fl-1931 iż-żagħżugħa Ineż ħadet l-ewwel voti mal-ordni missjunarja tas-Sorijiet ta’ Loreto f’Dublin, l-Irlanda. L-isem mogħti lilha kien dak ta’ Swor Marija Tereża tal-Bambin Ġesù, dan minħabba għad-devozzjoni tagħha lejn il-qaddisa ta’ Lisieux.

Bħala soru żgħira fl-1929 vjaġġat lejn Kalkutta (illum magħrufa bħala Kolkata), l-Indja, fejn għallmet ġewwa diversi skejjel fl-Indja għal 20 sena. Kien matul dak iż-żmien li tqanqlet ħafna bin-numru ta’ nies morda u li kienu qed imutu fit-toroq.

Fl-10 taʼ Settembru, 1946, waqt li kienet qed tivvjaġġa bil-ferrovija lejn Darjeeling, Santa Tereża esperjenzat “sejħa fi ħdan sejħa.” Hija ħasset sejħa biex tkun l-imħabba ta’ Alla fl-azzjoni: fi kliem iehor, taqdi l-morda u l-moribondi, dawk li jsofru l-ġuħ u dawk ta’ bla saqaf fuq rashom.

Wara li telqet mill-kunvent ta’ Loreto ħadet taħriġ mediku u saret determinata li taqdi lill-ifqar fost il-foqra. Fl-1950 hija waqqfet ordni ta’ nisa reliġjużi msejħa Missjunarji tal-Karità, li matul iż-żmien bnew diversi ċentri madwar id-dinja.

Fl-1979 Madre Tereża, kif kienet magħrufa sa dak iż-żmien, irċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi. Il-messaġġ sempliċi tagħha kien: “Aħna mqiegħda fuq l-art biex nagħmlu xi ħaġa sabiħa għal Alla.”

Madre Tereża mietet f’Kalkutta nhar il-5 ta’ Settembru 1997, fl-eta ta’ 87 sena. Hija ġiet ibbeatifikat fid-19 ta’ Ottubru tal-2003, fejn dan il-proċess kien l-iqsar wieħed fl-istorja tal-knisja moderna. Hija ġiet ikkanonizzata mill-Papa Franġisku fl-4 ta’ Settembru 2016.

Waħda mill-kwotazzjonijiet famużi ta’ Madre Tereża hija “Il-paċi tibda bi tbissima.” Illum il-ġurnata l-paċi qed tintalab ħafna minħabba dak li qed tgħaddi minnu d-dinja. Allura, ejjew nibdew nippromwovu l-paċi billi nitbissmu lil ħaddieħor.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks